Lokali Mużika

“Malta għandha post speċjali f’qalbi” – Russell Crowe

Ritratti: Matthew Tabone

L-attur ta’ fama internazzjonali Russell Crowe, għal darb’oħra reġa’ jinsab f’pajjiżna.. din id-darba għal xi ħaġa differenti mis-soltu.

F’pajjiżna Crowe huwa magħruf l-aktar għall-karriera tiegħu ta’ attur… speċjalment fil-film rinomat mad-dinja kollha ‘Gladiator’ li proprju partijiet minnu kienu nġibdu f’pajjiżna.

Issa, din id-darba wieħed se jkun jista’ jassisti għal Russell Crowe, il-mużiċist u kantant. Dan hekk kif, flimkien mal-band tiegħu, is-Sibt filgħaxija Crowe se jkun qed jagħmel kunċert fil-Belt Valletta, fi Pjazza San Ġorġ.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret proprju lejliet li se jittella’ dan il-kunċert, Russell Crowe qal li kull darba li jżur pajjiżna jħossu dejjem milqugħ hekk kif għalih Malta huwa pajjiż mill-isbaħ fejn il-Maltin ftit li xejn japprezzaw il-wirt arkitettoniku li joffri pajjiżna.

Huwa stqarr li l-ewwel darba li żar Malta kien proprju 26 sena ilu meta beda jinġibed il-film Gladiator. Minn dak iż-żmien sal-lum Malta u l-Maltin dejjem baqgħu f’qalbu.

F’kummenti ma’ Net News, Crowe stqarr li l-imħabba tiegħu għall-mużika bdiet proprju meta kien għad għandu biss sitt snin. Mistoqsi x’jagħżel bejn li jkun attur jew mużiċist… Crowe qal li ma jimmaġinahx jgħix mingħajr waħda minnhom.