Lokali Qorti

Mhux ħati li ħaqar żewġt iżwiemel

Oswald Scicluna ta’ 51 sena minn Ħal-Luqa ma nstabx ħati mill-Maġistrat Rachel Montebello fuq moħqrija tal-annimali wara li kien qed jiġi mixli li żamm żewġt iżwiemel li kienu f’qagħda ħażina ta’ saħħa. Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur Elliot Magri qaet li ż-żwiemel instabu minn żewġ uffiċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali wara li sar rapport.

Dawn instabu fl-1 ta’ Mejju tas-sena l-oħra f’farmhouse fi Triq Bir Miftuħ, il-Gudja. Mill-provi rriżulta, li r-residenza kienet ta’ missier Scicluna. L-uffiċjali qalu fil-Qorti li nnotaw li ż-żwiemel kienu magħlubin għalkemm sabuhom jiġru u jaqbżu.

Il-kundizzjoni tal-pil tagħhom kienet turi li kellhom nuqqas ta’ xaħam u muskoli. Madankollu l-post kien adegwat għaż-żamma tagħhom għax l-art tal-paddock kellha ramel adegwat u kien hemm kobor biżżejjed, fosthom kmamar bil-bieb miftuħ fejn iż-żwiemel setgħu jistkennu.

L-uffiċjali qalu wkoll li l-kmamar, madankollu, ma kienx fihom bedding. Ġie osservat ukoll, li ż-żwiemel kellhom l-ikel u l-ilma, u li ma kinux marbutin. Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Montebello qalet li waqt l-ispezzjoni l-imputat ma ngħatax dritt għal assistenza legali mill-uffiċjali. Minflok, il-Maġistrat innotat li ġiet estrapolata mingħand l-akkużat konfessjoni inkriminanti f’mument meta huwa kien meqjus bħala persuna suspettata.

L-akkużat ġie lliberat mill-akkużi għax ingħad li d-dikjarazzjonijiet inkriminanti magħmula minnu ma jistgħux jitqiesu li saru minn jeddu. Il-Qorti nnotat ukoll li ħlief għall-fatt li l-post fejn kienu qed jinżammu ż-żwiemel huwa ta’ missieru, m’hemm ebda prova oħra li torbot lil Oswald Scicluna maż-żwiemel.