Deelian Mifsud ta’ 22 sena mix-Xewkija ġie kundannat sentejn ħabs mill-Maġistrat Simone Grech wara li nstab ħati li waddab raġel Somalu fil-baħar waqt ġlieda f’Għajnsielem. L-inċident kien inqabad bis-CCTV u spiċċa fuq il-midja soċjali, seħħ fit-18 ta’ Lulju 2021 meta waqt il-ġlieda, grupp ta’ rġiel sawtu lill-vittma u Mifsud qabdu u waddbu l-baħar fl-Imġarr.
Il-vittma xehed fil-proċeduri ġewwa l-Qorti ta’ Għawdex u qal li qala’ diversi daqqiet ta’ ponn u twaddab il-baħar “qisu xi xkora.” Skont il-vittma, hu kien qiegħed jixrob f’bar meta l-bouncer, allegatament ordnalu biex joħroġ il-barra. Is-Somalu qal ukoll li kien irrifjuta li joħroġ għaliex ma kien qiegħed jagħmel xejn ħażin. Kien f’dan il-waqt li ntervjena Mifsud li qallu biex jitlaq diversi drabi. Wara xi kwarta jargumentaw, Mifsud tefgħu l- baħar għall-ħabta tas-1am.
Il-Qorti qalet li l-vittma tħalla fl-ilma minkejja li kien fis-sakra u ma kienx jaf jgħum, Madankollu kkunsidrat ukoll li l-vittma jaf hedded lill-akkużat “li se joqtollu familtu”. Il-Maġistrat qalet li ma emmnitx lil Mifsud li qal li waddab lill-vittma fil-baħar “biex iġibu f’sensih” u li, filwaqt li kien hemm persuni fil-folla li qalu kliem dispreġġattiv fuq il-karnaġġjon tal-vittma, ma kienx hemm prova li dawn qalhom Mifsud stess.
Madanakollu, il-Qorti kkunsidrat il-fatt li r-raġel kien fis-sakra u li weġġa’ minkbu meta waqa’ quddiem uffiċjal tal-Pulizija li mar fuq il-post tar-reat. Għaldaqstant, hi ma sabitx biżżejjed provi li l-att ta’ Mifsud wassal biex il-vittma weġġa’.
Dwar il-piena ħadet in konsiderazzjoni l-atti proċesswali kollha, il-fedina penali ta’ l-imputat, kif ukoll qieset il-gravità tar-reat minnu magħmul, Qieset ukoll li mill-fedina penali, l-imputat ingħata varji ordnijiet ta’ probation bil-għan li huwa jirriforma ruħu. Fic-ċirkostanzi, l-Qorti qieset li piena karċerarja hija dik il-piena idoneja fil-każ.
Fid-dawl ta’ dan kollu, Mifsud intbagħat sentejn ħabs u ordnat li jintbagħat quddiem il-Qorti biex jiġi ġudikat abbażi l-fatt li kiser ordni ta’ probation li ħarġet il-Qorti fl-2020. Kien ordnat iħallas €281 f’ispejjeż tal-Qorti. L-Ispettur Josef Gauci mexxa l-Prosekuzzjoni. L-avukat Antonio Depasquale rrappreżenta lil Mifsud. L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb irrappreżentaw lill-vittma.
//= $special ?>

