Delegazzjoni magħmulha minn seba’ mexxejja mill-kontinent tal-Afrika bħalissa għaddejja bi programm ta’ żjarat fl-Ukrajna u r-Russja. Dan qed isir bħala parti minn missjoni fejn il-Mexxejja qed jiddiskutu u janalizzaw il-prospetti ta’ waqfien mill-ġlied fl-artijiet Ukreni li ilhom minn Frar tal-2022 okkupati mill-qawwiet tal-Kremlin.
Iżda waqt li d-delegazzjoni qed tkompli b’din il-missjoni ta’ paċi, ir-Russja baqgħet tispara d-drones u l-missili lejn l-inħawi ta’ Kiev—bil-Gvern Ukren jisħaq li l-missili tar-Russi jridu jitqiesu bħala ‘messaġġ lill-Afrika’ li l-President Russu Vladimir Putin mgħandux il-ħsieb li jwaqqaf il-gwerra.
Is-seba’ mexxejja Afrikani, ġejjin, fost oħrajn, minn pajjiżi li jinkludu l-Afrika t’Isfel u l-Eġittu u l-programm tagħhom kien jinkludi laqgħa, fi Kiev, mal-President Ukren, Volodymyr Zelensky.
Dan ukoll meta l-mexxejja huma parti minn proċess diplomatiku intiż biex Zelensky u Putin jaqblu dwar waqfien mill-ġlied fit-tul kif ukoll għal paċi permanenti f’reġjun fejn l-iżviluppi qegħdin iħallu l-konsegwenzi għad-dinja kollha.
Madankollu, il-gwerra fl-Ukrajna qed tidher ‘il bogħod milli mitmuma, bil-qawwiet tal-Ukrajna qed ikomplu l-kontro-offensiva fuq l-ibliet u z-zoni tal-pajjiż ikkontrollati mill-militar Russu — u fejn il-ġlied, fl-aħħar sigħat, kien qed jintensifika.
Anki ż-żjara tal-mexxejja Afrikani fi Kiev kienet interrotta mid-daqq kontinwu tas-sireni għal kontra l-attakki mill-ajru kif ukoll minn splużjoni kbira f’din il-belt kapitali. Ftit wara, is-Sindku ta’ Kiev, Vitaliy Klitschko, bagħat messaġġ fuq Telegram biex jgħid li l-isplużjoni seħħet f’waqtiet ta’ sparar mid-difiżi tal-Ukreni fil-kapitali u li rnexxielhom jeqirdu diversi missili tar-Russja.
Minkejja dan, il-mexxejja Afrikani żaru xorta l-Pjazza ta’ San Mikel fi Kiev fejn kienu aġġornati bl-aħħar żviluppi mill-Uffiċjali tal-Ministeru tad-Difiża Ukren.
L-istess Mexxejja anki żaru l-belt ta’ Bucha – fil-limiti ta’ Kiev — fejn marru f’sit fejn hemm qabar tal-massa għall-mijiet tan-nies li sfaw massakrati mit-truppi Russi fil-bidu tal-gwerra. Huma, hawnhekk, ħadu sehem f’ċerimonja ta’ tifikira qasira iżda kommoventi għal dawn il-vittmi, bil-ġrajjiet ta’ xhur ilu f’Bucha jibqgħu paġna mill-aktar sewda fl-istorja moderna tal-Ukrajna.
Il-Mexxejja Afrikani, fis-sigħat li imiss, jkomplu bil-missjoni għall-paċi fir-Russja fejn mistennija jkollhom il-laqgħat f’Moska mal-President Putin.
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Ministri tad-Difiża tal-Istati msieħba man-NATO iddiskutew is-sitwazzjoni tal-Ukrajna waqt laqgħa fi Brussell. Dan meta l-President Putin, illum, għamel diskors ewlieni waqt il-Forum (annwali) Ekonomiku Internazzjonali fil-belt ta’ San Pietruburgu, fir-Russja.
Sadanittant, investigazzjoni mill-ġurnalisti tal-BBC żvelat li talanqas 25,000 suldat Russu tilfu ħajjithom fil-battalji tal-Ukrajna – b’din iċ-ċifra tkun erba’ darbiet akbar miċ-ċifra uffiċjali preżentata ftit taż-żmien ilu mir-Russja.
//= $special ?>