Għawdex Lokali

Żagħżugħ iweġġa’ gravi wara inċident bejn karozza u mutur f’Għawdex

Żagħżugħ ta’ 29 sena residenti x-Xagħra Għawdex qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident bejn karozza u mutur.

L-inċident seħħ il-Ġimgħa waranofsinhar għall-ħabta tas-2:30 fi Triq ta’ Ħamet, ix-Xagħra Għawdex.

Il-Pulizija marret fil-post u mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn karozza misjuqa minn mara ta’ 33 sena residenti x-Xagħra u mutur Kawasaki misjuq minn raġel ta’ 29 sena residenti x-Xagħra wkoll.

Tim mediku mar fil-post sabiex jassisti u ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex jingħata l-kura meħtieġa.

Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

Il-mara ittieħdet l-isptar wkoll minħabba li kienet qed issofri minn xokk qawwi.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.