Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Illiberati iż-żewġ sajjieda akkużati bil-qtil ta’ Brian Rosso

Iż-żewġ sajjieda, Malti u Sqalli mixlijin bil-qtil ta’ Brian Rosso ġew illiberati minn ġurija li f’temp ta’ sagħtejn iddeċidiet li huma persuni nnoċenti. Anthony Bugeja, ta’ 55 sena, minn Marsaxlokk, u Piero Di Bartolo, ta’ 49 sena, residenti Birżebbuġa ma nstabux ħatja bil-qtil Albert Brian Rosso ta’ 48 sena u li kien joqgħod Marsaskala, kważi 18-il sena ilu.  

B’sebgħa voti kontra tnejn l-irġiel ma nstabux ħatja li qatlu lil Rosso, bl-Isqalli ma jinstabx ħati li kien kompliċi f’dan l-omiċidju. Bi tmien voti kontra wieħed lanqas ma nstabtu ħatja li użaw arma tan-nar u li ħbew il-katavru. Il-ġurati ħadu biss sagħtejn jiddeliberaw fejn infurmaw lill-marixalli tal-Qorti li kienu waslu għall-verdett.

Minnufih l-istaff tal-Qorti nforma lill-partijiet fosthom lill-avukati u lill-prosekuturi fil-każ u dawn fil-preżenza tagħhom wara xi ħin daħlu fl-awla u semgħu l-qari tal-verdett fost il-ferħ tal-akkużati u membri tal-familja tagħhom. Kien qed jiġi allegat mill-prosekuzzjoni li l-10 ta’ Ottubru tal-2005 inqatel fil-garaxx ta’ Bugeja bl-għajnuna ta’ Di Bartolo u ġie mormi l-baħar fi xkora li fiha kien twaddab xi ġebel u bricks.

Wara erba’ sigħat u nofs ta’ indirizz lill-ġurati l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera bagħtet lill-ġurati jiddeliberaw biex joħorġu b’verdett. Is-Sibt fid-9am l-Imħallef bdiet tindirizza lill-ġurati biex ftit qabel is-1.30pm talbithom biex jaslu għal deċiżjoni fil-ġuri tal-omiċidju ta’ Brian Rosso, li sal-lum għadu meqjus bħala persuna nieqsa wara kważi 18-il sena.

Fil-jum tal-Ġimgħa l-Prosekuzzjoni u d-difiża għalqu l-każ tagħhom. Minkejja li hi spjegat il-bażiku lill-ġurati li ħadd minnhom mhu espert legali l-Imħallef tat spjegazzjoni ċara dwar kif jimxu ġurijiet bħal dawn. Kien għall-ħabta biex tad-9am li l-ġurati bdew jingħataw gwida u direzzjoni legali mill-Imħallef.

Id-disgħa ġurati tmien irġiel u mara ngħad lilhom mil-Imħallef l-importanza ta’ x’għandhom jiżnu jew addirittura jiskartaw fuq dak li semgħu. Jekk jemmnu xhud f’kollox u l-konsistenza tiegħu. Li għandhom jimxu biss fuq il-fatti u mhux x’setgħu semgħu fuq il-każ fit-triq, xi ħaġa li għandhom jiskartaw totalment.

L-importanza li l-każ irid idur mal-provi waqt il-ġuri u li għandhom jiddeċiedu favur jew kontra meta jqisu kollox. Dwar ukoll il-ġustizzja li trid issir kemm mal-akkużati, l-allegat vittma u s-soċjetà. Ingħad lilhom ukpll li huma Imħallfin tal-fatt u għalhekk issa mill-provi li semgħu jridu jiddeċiedu.

Bħal kull indirizz l-Imħallef tagħti struzzjonijiet lill-ġurija dwar il-liġijiet rilevanti li għandhom jiggwidawhom. Meta tagħti l-istruzzjonijiet, l-imħallef tkun qed tiddikjara l-kwistjonijiet fil-każ u jiddefinixxi kwalunkwe termini jew kliem li jistgħu ma jkunux familjari għall-ġurati.

Issir gwida l-istandard tal-prova li l-ġurati għandhom japplikaw għall-każ – “lil hinn minn dubju raġonevoli” f’każ kriminali, “preponderanza tal-evidenza” f’każ ċivili. L-imħallef qrat sezzjonijiet tal-liġijiet applikabbli. L-imħallef qalet lill-ġurati li huma l-uniku imħallef tal-fatti.

L-imħallef indikat fl-istruzzjonijiet tagħha l-interpretazzjoni tal-liġijiet rilevanti li jirregolaw il-każ, u li l-ġurati huma meħtieġa li jaderixxu ma’ dawn il-liġijiet fit-teħid tad-deċiżjoni tagħhom, irrispettivament minn dak li l-ġurati jemmnu li l-liġi hija jew li għandha tkun. Fil-qosor, il-ġurati jiddeterminaw il-fatti u jaslu għal verdett, fi ħdan il-linji gwida tal-liġi kif determinat mill-imħallef.

L-avukat Roberto Montalto huwa l-avukat ta’ Di Bartolo. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angelle Vella u Andrea Zammit. L-Avukat Stefano Filletti huwa parte civile fil-każ. Il-ġurija kienet komposta minn tmint irġiel u mara. F’dan il-ġuri kienu msejjħa madwar 30 xhud u fejn persuna ma setgħetx’ tattendi għal diversi raġunijiet inqrat x-xhieda tagħha li kienet tat waqt il-kumpilazzjoni.