L-MEP David Casa stqarr li dawk kollha li jagħmlu ħidma mal-annimali jistħoqqilhom is-sapport kollu. David Casa qal dan waqt żjara li għamel f’Cat Cafe f’Ħal Luqa fejn iltaqa’ mal-voluntiera u rringrazzjahom tal-ħidma li qed jagħmlu.
Fuq Facebook, l-MEP David Casa ħabbar inizjattiva organizzata minnu fejn qed jistieden lill pubbliku jgħin billi joffri donazzjonijiet tal-ikel.
HUwa ħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-annimali biex jagħtu mill-ftit tagħhom biex il-qtates li jinsabu f’dan ix-xelter ikollhom l-ikel meħtieġ.
Mistoqsi jgħid għaliex għandu din l-ammirazzjoni għall-annimali b’mod partikolari l-qtates, David Casa spjega li dawn jagħtu kollox u ma jippretendu xejn lura.
“L-annimali ma jafux x’inhi mibiegħda, ma jafux x’inhi għira”, stqarr Casa. Kompla jgħid li “l-annimali għandhom l-abiltà jħobbuna mingħajr kompromessi. Kif nitrattawhom hija verament riflessjoni tas-soċjetà tagħna, għaliex quddiem il-poter tal-bniedem, l-annimali huma bla saħħa.”
Temm jgħid li kien għalhekk li ħass il-ħtieġa li jagħmel dan l-appell għad-donazzjonijiet.
Il-pubbliku huwa mistieden jagħti d-donazzjonijiet tal-ikel fl-uffiċċju tal-MEP David Casa: 12, Triq E. B. Vella, B’Kara nhar it-Tnejn 19 u t-Tlieta 20 ta’ Ġunju bejn id-9am u s-1pm. Għal sapport finanzjarju, d-donazzjonijiet jistgħu jsiru diretti lil Cat Cafe fuq Revolut +35679401186.
//= $special ?>