Lokali

Ian Borg ifarfar l-isfida tas-Central Link fuq is-sewwieqa u l-esperti

Inħalli f’idejn ħaddieħor biex jieħu d-deċiżjonijiet.

Sostna dan,  b’rabta mal-inċidenti tat-traffiku fis-Central Link, l-eks Ministru tat-Trasport u Infrastruttura Ian Borg, issa Ministru għall-Affarijiet Barranin, meta s-Sibt filgħodu kien qed jiġi intervistat minn Andrew Azzopardi fuq l-istazzjon tar-radju 103fm.

Ian Borg insista li jħalli f’idejn l-esperti sabiex jitkellmu mill-aspett tekniku iżda ta’ x’jifhem li ma jemminx li speed camera se ssolvi l-problemi.

Dan filwaqt li fi kliem sempliċi farfarha wkoll fuq s-sewwieqa, mingħajr ma ta ebda soluzzjoni għall-inċidenti li qed iseħħu fi triq li huwa kien jitkellem dwarha b’tant pompa.

Filwaqt li insista li ma jgħirx għall-pożizzjoni li qed jokkuppa minfloku sieħbu Aaron Farrugia mistoqsi dwar il-fatt li taħt il-Flyovers tal-Marsa jgħereq mal-ewwel xita, Ian Borg insista li dan iseħħ minħabba nuqqas ta’ xogħol mill-ħaddiema li suppost inadfu l-gutters.

Rigward il-pool fir-residenza tiegħu, Borg saħaq li l-battalja legali għadha għaddejja sal-lum il-ġurnata u stqarr li hemm individwu minn Ħad-Dingli stess li qiegħed jaqbad miegħu għal kull tentufa li jagħmel minħabba ċertu deċiżjonijiet li kien ħa fi żmien meta hu kien Sindku tal-lokalità.

Intant, mistoqsi mill-Professur Azzopardi dwar l-eks Mexxej tal-Labour u eks Prim Minsitru Joseph Muscat, Ian Borg iddeċieda li jkun kawt fi kliemu minkejja li kien mistoqsi jekk hu għadux jaħlef bih.

Ian Borg stqarr li ma jridx jikkumenta dak li jsir fil-qorti iżda insista li sal-lum Muscat mhux qed jaffaċċja akkużi legali u stqarr li mhux jifhem għalfejn dawn l-affarijiet… skandlu, wieħed wara l-ieħor  – hawn dan is-sens ta’ urġenza biex jissolvew.

Finalment il-Ministru Ian Borg faħħar il-fatt li r-rapport tal-windfarms tal-Montenegro kien ippubblikat mingħajr ma ġiet ingassata linja waħda. Li għoġbu ma jgħidx kien li dan ir-rapport kien ippubblikat grazzi għal battalja legali li rebħet it-Times of Malta wara r-reżistenza tal-Gvern ta’ Abela.