Lokali

Il-kompożitur Taljan Marco Frisina b’kunċert fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Il-kompożitur u surmast Taljan Marco Frisina, se jkun il-mistieden ewlieni għal kunċert li se jittella’ mis-Società Filarmonica Nazionale La Valette fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta.

Dan il-kunċert, li se jittella’ fit-3 ta’ Novembru se jkun qed isir fl-okkażjoni tal-150 anniversarju mit-twaqqif tal-istess soċjetà, bit-tema ‘150 sena ta’ eċċellenza’.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-kunċert, il-President tas-Società, Jonathan Grima qal li s-soċjetà ilha għal dawn l-aħħar xhur tipprepara għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.

Marco Frisina hu kompożitur Taljan li ħadem fuq numru kbir ta’ siltiet ta’ mużika rinomati u wkoll kien il-kompożitur ta’ numru kbir ta’ soundtracks ta’ films.

Għal dan il-kunċert se jkunu qed jipparteċipaw ukoll is-sopran Rosabelle Bianchi u t-Tenur Charles Vincenti flimkien mal-kor Mirabitur u s-surmast tal-istess Soċjetà, Dominic Darmanin.

Imbagħad, l-għada, fil-Katidral tal-Imdina se jkun hemm attività oħra msejħa ‘Il-Valur tal-Mużika fil-Liturġija’. F’din l-attività se jkun hemm taħdita minn Frisina u anke se jindaqqu xi siltiet mużikali bi spjega mill-kompożitur Taljan. Fi tmiem din l-attività li għaliha se jkunu mistiedna korijiet u baned minn madwar Malta u Għawdex, is-Soċjetà se tkun qed tagħmel marċ qasir mat-toroq tal-Imdina.

Ritratti: Carl Farrugia / Joe Francalanza