Ilwien. Tradizzjoni. Fidi.
Huma dawn l-ewwel tlett karrateristiċi li jolqtu l-għajn mill-għaxar metri ta’ tapit mimli fjuri, kafè, u ċiċri li sar mill-Pawlini Rabtin biex ikun jista’ jgħaddi minn fuqu s-Sagrament għall-festa ta’ Corpus Christi, il-festa li tiċċelebra l-Ewkaristija Mqaddsa.
Din is-sena ntgħażlet it-tema ‘Corpus u l-Festi’ fejn mat-30 persuna ħadmu fuq id-disinni tas-sagrament, il-baned u n-nar, fost oħrajn.
Net News tkellem ma’ Christopher Calleja li spjegalna li jirrekjedi ħafna xogħol lejn l-aħħar biex jassiguraw li l-fjuri ma jinxfux qabel il-purċissjoni bis-Sagrament.
“Din is-sena kelna ammont kbir ta’ fjuri friski, liema fjuri trid tibda taħdem fuqhom fl-aħħar jumejn biex ma jispiċċawx,” qal Calleja. “Din is-sena ntgħażlet it-tema ta’ Corpus u l-Festi, fejn għandna s-sagrament, il-banda, in-nar u anke l-fratelli. Għandna wkoll il-logo hekk kif il-festa esterni tgħalaq is-sittin sena mwaqqfa.”
Din l-infjorata li ssir għall-Bażilika ta’ San Pawl, fir-Rabat ilha ssir għal tmien snin, b’ħafna jkunu qed jistennewha.
“Qabel konna l-fjuri fl-art minn fejn jgħaddi s-sagrament,” qal Calleja. “Din inbiddlet u issa minflok qed isir dan it-tapit ta’ fjuri. L-ewwel jiġi mbierek biex imbagħad il-Ħadd waranofsinhar jitpoġġa quddiem il-Knisja biex jgħaddi s-Sagrament minn fuqu. U jintlaqa’ tajjeb ħafna min-nies.”
Infjorata li tirrekjedi ħafna xogħol u materjal differenti, mhux biss fjuri iżda anke oġġetti bħal żerriegħa u ross.
“Kelna madwar 350 pakkett ta’ fjuri friski u fjuri oħra sempreviva,” qal Calleja. “Imbagħad hemm materjal ieħor bħal kafè, tè, żrieragħ u materjal ieħor fejn jidħol l-element tan-natura.”
Din is-sena hi waħda iktar speċjali għall-Kumitat Festi Esterni Corpus Domini u San Pawl hekk kif ġie armat għall-ewwel darba l-Ark Trijonfali ta’ Triq San Pawl wara xogħol ta’ restawr li sar fuqu.
Ritratti: Martin Agius
//= $special ?>