Lokali

Ir-residenti fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla jitħallew f’periklu kbir għal snin sħaħ

Konfermata – il-Gvern ta’ Robert Abela kien jaf bil-periklu fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla b’riskju għall-anzjani kollha residenti hemmhekk… iżda għażel li jieħdu azzjoni dwar dan meta beda jaqa’ l-konkrit.

Il-Ministru tal-Anzjanità Attiva, Jo-Etienne Abela, waqt diskussjoni mad-Deputat Nazzjonalista, David Agius fuq ix-Xandir Nazzjonali ikkonferma illi minkejja li kien hemm dokument li ilu li tlesta sentejn, l-ebda azzjoni ma ttieħdet għas-sigurtà tal-anzjani.

L-akbar tħassib dwar din ir-residenza, li nbniet fl-1997, kien fuq il-livell ta’ saħħa li kellu l-konkrit fejn f’ċerti partijiet tal-binja s-saħħa tal-konkrit kienet iktar dgħajfa minn partijiet oħra.

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella biex issir inkjesta dwar id-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla – għaliex ir-residenti, il-ħaddiema u l-qraba tagħhom ħaqqhom ikunu jafu għalfejn din il-binja għandha problemi strutturali… tant li trid titwaqqa.

“Meta nitolbu inkjesta qed nitolbuha biex affarijiet bħal dawn f’pajjiżna ma jerġgħux isiru,” qal David Agius.

Id-Deputat Nazzjonalista David Agius stqarr li binja ma’ tiddeterjorax f’qasir żmien u b’hekk il-Gvern missu ħa azzjoni qabel.

“Il-Gvern kellu ċans biex jippjana sentejn, iżda minflok fil-budget, id-dar ta’ Bormla qatt ma ssemmiet,” qal David Agius. “U finanzi għaliha qas biss hemm. Allura, fejnu l-ippjanar?”

Madanakollu, il-Gvern mhux talli għażel li jħalli l-anzjani f’periklu kbir li possibilment jaqa’ s-saqaf, iżda saħansitra naqas milli jikkomunika mar-residenti dwar dak li kien qed isir. U minflok għażel li jgħidilhom biss li fi ftit jiem se joħorġu minn din ir-residenza.

“Il-kritika lejn in-nuqqas ta’ komunikat li sar mar-residenti naqbel magħha,” qal il-Ministru Abela. “Forsi ma saritx b’mod tajjeb u ma sarx kemm jista’ jkun malajr”.