Skont l-aħħar tbassir tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, ir-rata ta’ tkabbir tal-ekonomija Maltija hi mbassra li tonqos minn madwar 7.0% fl-2022, għal 4.0% fl-2023, u se tonqos aktar għal 3.8%, u 3.7%, fl-2024 u l-2025 rispettivament.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-mażżra tad-dejn qabżet id-€9 Biljun. Id-dejn żdied għax l-establishment ta’ Robert Abela għandu attitudni ta’ money no problem, speċjalment fuq deals b’riħa qawwija ta’ korruzzjoni, li għal darba, darbtejn, tlieta wasslu lill-Awditur Ġenerali biex jikkonkludi li l-prinċipju ta’ value for money kien imwarrab kompletament. Dan hu ta’ tħassib kbir għaliex qagħda finanzjarja stabbli hija prekursur għal aktar investiment.
Dan għandu jinkwetana għaliex il-mod kif nikkalkulaw id-dejn, bħala perċentwal tal-Prodott Domestiku Gross, ifisser li sena waħda ta’ tkabbir ekonomiku kajman, ifisser li dan il-perċentwal se jiżdied.
Barra minn hekk, skont l-aħħar tbassir tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, id-defiċit tal-Gvern mistenni li jkun ta’ 4.9% tal-Prodott Domestiku Gross għal din is-sena. Barra minn hekk, matul l-2024 u l-2025 mistenni jibqa’ iżjed mil-limitu ta’ 3% kif stabbilit mit-trattat ta’ Maastricht (Stability and Growth Pact) u b’hekk, potenzjalment, jekk dan il-mekkaniżmu jerġa’ jidħol fis-seħħ bl-istess kriterji ta’ qabel ma ġie sospiż, pajjiżna jista’ jidħol f’excessive deficit procedure.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti biex minflok jibqgħu jitħanżru minn flus il-poplu, il-Gvern irid jiffoka fuq l-isfidi kbar li l-poplu qed jiffaċċja llum stess, bħal l-għoli tal-ħajja, u jieħu azzjoni minnufih. Il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jara li flus il-poplu jintużaw kif inhu xieraq u jwaqqaf il-ħela u t-tberbiq minn klikka żgħira ta’ nies.
Wara l-aħbar tal-Ministru tal-Finanzi li, jekk nibqgħu naddottaw il-politika ta’ dan il-Gvern stess, sal-2040 pajjiżna irid ikollu popolazzjoni ta’ madwar 800,000 persuna, il-poplu għadu qed jistenna l-Gvern jgħid il-fejn se jieħu dan il-pajjiz, x’inhi l-viżjoni ekonomika tiegħu. Jekk ikompli fuq din l-istess “riċetta” ekonomika u l-istess attitudni, mhux se jsolvi l-problemi tal-Maltin u Għawdxin.
Jerome Caruana CiliaKelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi
//= $special ?>