La darba l-għoli tal-ħajja qed jiżdied, hekk ukoll għandhom jiżdiedu l-pagi. Iċ-ċifri qed juru li l-faqar qed jiżdied, hekk ukoll l-ammont ta’ nies li qed jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom.
Dan ġie diskuss waqt il-programm Net Live tal-Ħamis fejn Noel Xerri mill-AntiPoverty Forum kif ukoll Anthony Camilleri, Kap Eżekuttiv ta’ YMCA Malta saħqu li jinsabu nkwetati b’dak li qed jisimgħu u jmissu b’idejhom.
Skont l-aħħar rapport maħruġ mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika huma madwar 100,000 il-persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali b’Noel Xerri jisħaq li huma varji n-nies li mhux ilaħqu mal-ħajja…kemm żgħażagħ kif ukoll anzjani.
Huwa insista li hawn familji li qed jgħixu realtajiet ta’ tbatija vera sforz l-ekonomija li hija bbażata fuq l-infieq tagħna.
Xerri spjega li hawn anzjani li jgħixu biss fuq il-pensjoni u mhux ilaħqu mal-ħajja fix-xiri tal-ikel jew mediċini. Dan filwaqt li stqarr li hawn min ukoll qed isofri l-faqar wara li għadda minn separazzjoni.
Anthony Camilleri sostna li fl-aħħar snin il-persuni li spiċċaw bla saqaf fuq rashom żdiedu, bl-ixjaħ persuna li jaf bil-każ tagħha li spiċċat f’din is-sitwazzjoni kienet persuna ta’ 89 sena. Huwa saħaq li bl-għoli tal-ħajja u l-kirjiet dejjem jiżdiedu…bil-pensjoni biss mhux ilaħqu.
Intant, Noel Xerri saħaq li ġej mil-liema faxxa tas-soċjetà ġej – ċirkustanza fil-ħajja taf tbiddilek ħajtek ta’ taħt fuq – kemm żieda fl-għoli tal-ħajja, kif ukoll mard fiżiku jew mentali u għaldaqstant jaf tispiċċa f’sitwazzjoni ferm vulnerabbli.
Finalment, Anthony Camilleri saħaq li hawn saħansitra żgħażagħ li qed isofru l-faqar sforz il-lifestyle li qed tiġi imposta fuqhom.
Għaldaqstant sar appell lill-Gvern sabiex issir diskussjoni fit-tul bil-għan li ċ-ċittadini jkunu mgħejuna b’serjetà li tixraq.
//= $special ?>