Wara li l-preżentazzjoni tal-arazzi f’Mejju li għadda kienet ta’ suċċess kbir… matul il-jum tal-Ħadd saret preżentazzjoni oħra fejn għal darba oħra eluf ta’ Maltin u turisti marru jaraw ix-xena meraviljuża li hemm fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.
![](https://cdn.netnews.com.mt/wp-content/uploads/2023/06/18185051/Arazzi-Open-Day-Kon-Katidral-Ta-San-Gwann7-1024x683.jpg)
Diversi gwidi kienu qed idawru lill-viżitaturi madwar il-Konkatidral filwaqt li rrakkuntaw l-istorja ta’ kif dawn l-arazzi propju spiċċaw f’pajjiżna. F’kummenti ma’ Net News wieħed mil-gwidi esprima kif għal darba oħra kien hemm kju twil ta’ nies barra l-Konkatidral sabiex ikollhom l-opportunità li jaraw l-arazzi.
![](https://cdn.netnews.com.mt/wp-content/uploads/2023/06/18185322/Arazzi-Open-Day-Kon-Katidral-Ta-San-Gwann24-1024x683.jpg)
Il-wirja tal-arazzi, bit-titlu ‘A Gift of Glory’ jmorru lura għas-seklu sbatax. Dawn kienu ngħataw bħala rigal lil pajjiżna mill-Gran Mastru Perelllos bejn l-1697 u l-1702 .
Din is-sena l-pubbliku kellu ċans jara l-arazzi imdendlin għall-ewwel darba fi kważi 30 sena, peress illi l-aħħar darba li tpoġġew f’posthom kien fl-1990 meta l-Papa Ġwanni Pawlu II żar Malta.
![](https://netnews.com.mt/wp-content/uploads/2023/06/Arazzi-Open-Day-Kon-Katidral-Ta-San-Gwann16.jpg)
Din il-kollezzjoni tikkonsisti minn 29 arazz li juru episodji mill-ħajja ta’ Ġesù Kristu kif ukoll it-Trijonf tal-Knisja Kattolika.
L-arazzi għaddew minn proċess estensiv ta’ restawr li propju dam għaddej għal 16-il sena. Dan is-sett ta’ arazzi, kapolavar tal-arti Barokka, huwa l-ikbar sett fid-dinja b’kobor ta’ 730 metru kwadru, u b’tul ta’ 120 metru.
Is-sett tal-arazzi se jibqa’ esebit fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta sal-1 ta’ Lulju li ġej.
![](https://cdn.netnews.com.mt/wp-content/uploads/2023/06/18185210/Arazzi-Open-Day-Kon-Katidral-Ta-San-Gwann11-1024x683.jpg)