Lokali

“Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu Gvern li jsib is-soluzzjonijiet” – Bernard Grech

“In-nies jgħinunha biex inħaddmu politika aħjar, biex int u l-familja tiegħek jkollkom kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-prijorità huwa int.”

Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech il-Ħadd filgħodu waqt intervista fuq il-programm Analiżi.

Bernard Grech tkellem dwar diversi problemi li qed jaffaċċja pajjiżna bħalissa fosthom is-saga tad-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla, il-pjaga tal-għoli tal-ħajja, li l-poplu jgħix f’ambjent san fost affarijiet oħra.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa evidenti li anke fis-saga tad-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla qed toħroġ in-nuqqas ta’ kreddibilità fi ħdan il-Partit Laburista. Dan għaliex issa ddeċidew li jwaqqgħu d-dar sabiex terġa’ tinbena meta hemm rapport li sar f’Diċembru li għadda li illiċenzjat din il-binja sa’ Jannar tas-sena d-dieħla.

Bernard Grech qal li r-realtà hi li l-anzjani jixirqilhom aħjar għaliex dawn huma n-nies li ġġieldu għal pajjiżna. Hawnhekk huwa saqsa kif tista’ tgħidilhom mil-lum għal għada li dawn iridu jitilqu minn hemm.

Bernard Grech tkellem ukoll fuq il-pjaga tal-għoli tal-ħajja fejn hawnhekk huwa saħaq li huwa inaċċettabbli li hawn nies f’pajjiżna li ma jistgħux jgħixu ħajja diċenti. Iżda l-prijoritajiet ta’ Robert Abela mhumiex in-nies u huwa għalhekk li l-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu Gvern li jsib is-soluzzjonijiet u li jpoġġieh fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.

Bernard Grech qal li Robert Abela injora l-proposti tal-Partit Nazzjonalista sabiex tkun miġġielda l-pjaga tal-għoli tal-ħajja filwaqt li fakkar x’kienu uħud minn dawn il-proposti fosthom li l-COLA ma tkunx intaxxata.

Barra minn hekk huwa fakkar fuq l-abbozz ta’ liġi li ressaq il-Partit Nazzjonalista fejn il-poplu qed jingħata l-għodda jiġġieled għal ambjent san. Iżda s’issa Robert Abela ma kellu l-ebda reazzjoni għal dan l-abbozz ta’ liġi favur l-ambjent.