Lokali

Imut Nazju Abela li kien attiv f’diversi Kumitati tal-PN

Il-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Ignatius J. Abela li miet fl-eta’ ta’ 83 sena. Abela għamel iktar minn 64 sena attiv f’Ħaż-Żebbuġ inkluż bħala President tal-Kumitat Sezzjonali tal-PN u baqa’ membru sal-aħħar ta’ ħajtu. Huwa ta sehmu ukoll f’diversi rwoli fuq bażi Nazzjonali.

Huwa twieled fit-22 ta’ Ottubru tal-1939 f’Bormla, Nazju Abela (kif magħruf) kien ż-żgħir fost seba’ aħwa u mal-familja ġie joqgħod Ħaż-Żebbuġ meta kien tarbija u għadu jgħix f’Citta’ Rohan sal-lum.

Nazju Abela ħa l-edukazzjoni formali kemm fl-iskola primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ, l-H.M Docyard Technical College u St. Michael College of Education. Huwa għalliem u għallem f’diversi skejjel Primarji u Sekondarji għal 29 sena sħaħ. Abela meraħ fil-qasam edukattiv b’ħidma mill-viċin fil-Ministeru tal-Edukazzjoni meta serva ta’ Segretarju Privat ta’ tliet Ministri tal-Edukazzjoni mill-1987 – 1996 u mill-1998 sal-1999.

Sa minn żgħożitu, Abela ddedika ħajtu għall-attiviżmu soċjali, kultrali u anke politiku. Huwa ilu għal 63 sena sħaħ jimpenja ruħu fl-għaqdiet tal-Belt f’Ħaż-Żebbuġ iżda okkupa diversi kariġi f’għaqdiet Nazzjonali. Nazju Abela kien President taċ-Ċirkolu tal-Ġuvintur tal-Azzjoni Kattolika f’Ħaż-Żebbuġ fil-bidu tas-snin sittin; Editur tar-rivista tal-Kunsill Ċiviku Żebbuġ fil-bidu tas-sebgħinijiet. Fis-sebgħinijiet, bħala għalliem, huwa serva bħala membru tal-Eżekuttiv tal-Malta Union of Teachers.

L-attiviżmu ta’ Nazju Abela f’Ħaż-Żebbuġ imur lura s-snin. Huwa kien membru attiv fil-Każini tal-Banda fejn serva ukoll għal numru ta’ żmien bħala President u Segretarju tal-Każin tal-Banda San Ġużepp.

Fuq livell Nazzjonali ukoll, Nazju Abela kien membru tal-Moviment ta’ Kana, editur għal 10 snin sħaħ tar-rivista FAMILJAKANA.

Nazju Abela kien jippromovi l-anzjanita’ attiva u kien nvolut fuq bażi Nazzjonali bħala Viċi-President u PRO ta’ Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani. Huwa kien ukoll attiv fl-Assoċċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti.

Nazju kien miżżewweġ lil Luckie u għandhom tlett itfal, Alexander, Josanne u Celine.

Waqt l-intervista tal-Ħadd filgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja tiegħu. Il-Kumitat tal-Partit Nazzjonalista f’Ħaż Żebbuġ jesprimi l-kondoljanzi lil familja u l-qraba ta’ Nazju Abela.