Wara li xi ġimgħat ilu l-Viċi Sindku Laburista tal-Qala, Ivan Cefai, assista lil Robert Abela waqt żjara li għamel fil-Qala minn wara dahar is-Sindku Paul Buttigieg – naturalment bil-barka tal-magna tal-Partit Laburista – il-qiegħ fil-Qala bejn l-istess Sindku Laburista Paul Buttigieg u l-Viċi Sindku qed tkompli tisħon sew.
F’messagg fuq il-midja soċjali fil-jiem li għaddew, il-Viċi Sindku appella lir-residenti tal-Qala biex jekk ikollhom xi lmenti, jgħadduhom lilu u mhux fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali. Qalilhom li dan għandu jsir ħalli jkun hu li jsegwi l-proċess u jagħmel il-pressjoni li jkun hemm bżonn mal-awtoritajiet.
Iżda anqas laħqu għaddew 24 siegħa li ma waslitx ir-risposta tas-Sindku Laburista Paul Buttigieg għal dak li kiteb sieħbu l-Viċi Sindku, fejn fuq il-midja soċjali ġibed l-attenzjoni tar-residenti li l-proċedura hi li l-ilment jew is-suġġeriment għandhom isiru mal-iskrivani tal-Kunsill Lokali, imbagħad dawn jagħmlu lista biex hekk il-ħaddiema jkunu jistgħu jmorru jagħmlu x-xogħol mitlub ta’ tindif jew manutenzjoni.
Fl-istess messaġġ, is-Sindku Paul Buttigieg insista b’mod indirett li l-Viċi Sindku diġà beda bil-kampanja elettorali u qed juża l-midja soċjali b’kampanja ta’ negattività biex jagħti l-impressjoni li l-Qala hu post maħmuġ. Kompla li din il-persuna, b’referenza għall-Viċi Sindku, “qed tinkoraġixxi lil min hu qrib tagħha biex fuq il-midja soċjali tagħmel bosk minn ħaxixa” u jkabbar l-affarijiet bla bżonn.
Is-Sindku Laburista Paul Buttigieg temm il-messaġġ tiegħu billi qal li “r-raħal tal-Qala hu raħal nadif” u ma għandux jiġi mmaqdar b’botta bil-pulit għal sieħbu l-Viċi Sindku Ivan Cefai.
Intant, imkejjen fil-Qala qalulna li l-Viċi Sindku kemm-il darba nstema’ jgħid fil-ħwienet tal-Qala li s-Sindku għal dak kollu li jagħmel fil-Qala għandu żewġ pagi… dik ta’ Sindku u dik ta’ ħaddiem tal-Ministeru għal Għawdex assenjat biex jagħmel xogħol ta’ manutenzjoni fil-Qala.
Instema’ jgħid kemm-il darba li għalkemm is-Sindku jkun jidher jagħmel xogħol ta’ mili ta’ toqob f’diversi toroq, ġbir ta’ żibel u anke żebgħa ta’ double yellow lines, dak ikun qed jagħmlu bħala ħaddiem tal-Ministeru mhux fil-kariga ta’ Sindku, u ta’ dan ix-xogħol ikun qed jitħallas paga oħra barra dik ta’ Sindku.
Persuna oħra mill-Qala li ssegwi b’mod regolari l-laqgħat tal-Kunsill Lokali u li fil-jiem li għaddew għamlet kuntatt miegħi, qaltli li fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Lokali nqala’ argument bejn is-Sindku u l-Viċi Sindku rigward trakk ġdid li xtara l-Kunsill Lokali fejn il-Viċi Sindku akkuża lis-Sindku li qed jagħmel użu minnu għal raġunijiet personali u nsista li dak li qed isir hu abbuż.
Hu akkużah ukoll li uża anke l-istess trakk biex jattendi protesta f’ismu personali li saret riċentament, u għal dan, l-istess Sindku ma kellux triq oħra ħlief jammetti li għamel uzu minnu. Fl-istess laqgħa, il-Viċi Sindku qal li ilu jinsisti li mat-trakk għandha titwaħħal l-arma tal-Kunsill Lokali, iżda sa dakinhar tal-laqgħa dan ma kienx għadu sar.
Saret ukoll akkuża li s-Sindku mhux iħalli lill-ħaddiema tal-Kunsill Lokali jużaw it-trakk u qed jużah hu biss anke waqt li jkun fuq xogħol tal-Ministeru għal Għawdex.
Interessanti li fl-istess laqgħa tal-Kunsill, is-Sindku ammetta li għamel sitt xhur minn meta wasal it-trakk idur bih u saħansitra anke tela’ kemm-il darba Malta, bla ma kellu polza tal-assigurazzjoni mħallsa!
//= $special ?>