Lokali

Iridu serħan tal-moħħ minn Gvern Malti ħieles mill-korruzzjoni u l-iskandli

Għalkemm ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Italja huma b’saħħithom grazzi għall-politika ċara tal-PN fil-Gvern, dak li beda jseħħ fl-2013 xegħel diversi bozoz ħomor

F’nofs din il-ġimgħa Robert Abela għamel żjara uffiċjali fil-kapitali Taljana Ruma. Dan fl-istess waqt li l-predeċessur tiegħu kien qed jitqabad fil-Qrati Maltin biex jitfa’ aktar pressjonijiet bla bżonn fuq il-Ġudikatura.

Lil hinn mill-ħafna retorika u narrattiva żejda, tajjeb li ngħidu li r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Italja huma b’saħħithom grazzi għall-politika ċara li għal snin twal ħaddem il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern għal 25 sena… l-ewwel immexxi mill-Prim Ministru Eddie Fenech Adami u mbagħad mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi.

Illum, Robert Abela jista’ biss ikompli jibni fuq dawk il-pedamenti sodi ta’ kollaborazzjoni u ħbiberija profonda… inkluż fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari, fl-enerġija u anki fid-difiża.

Iżda dak li t-Taljani jistennew mill-Gvern Laburista Malti hu politika serja u ta’ serħan il-moħħ; politika lil hinn mill-korruzzjoni u l-iskandli kif ta’ kuljum nisimgħu dwar il-Gvern ta’ Robert Abela.

Jiżbalja Robert Abela jekk jaħseb li jista’ jiltaqa’ ma’ mexxejja u dinjitarji bħal Giorgia Meloni, li ma jkunux mgħarrfa tajjeb dwar dak li hu għaddej f’Malta fejn id-diskors dwar il-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ governanza tajba huma l-ordni tal-ġurnata.

Bi Prim Ministru Malti li jgħix stil ta’ ħajja ekstravakanti u mill-aktar lussuża, filwaqt li dawk fil-faxxa tal-faqar jew direttament fil-faqar jammontaw għal għexieren ta’ eluf ta’ persuni.

It-Taljani jafu ben tajjeb li Robert Abela kien il-Konsulent ta’ Kastilja u anki tal-Kabinett meta tfasslu ħniżrijiet kbar ħafna f’diversi oqsma… il-ftehim dwar it-tanker impoġġi fid-daħla ta’ Marsaxlokk, il-ftehim mal-Ażerbajġan u dak mal-Ġordanizi… u anki dwar is-serqa tal-isptarijiet tal-poplu… u ħafna oħrajn.

It-Taljani jistennew mill-Gvern ta’ Robert Abela politika internazzjonali ċara u mingħajr ambigwità… inkluż dwar il-ġlieda lill-immigrazzjoni irregolari.

Filwaqt li dwar il-qasam tal-enerġija t-Taljani jistennew ħafna ċarezza u trasparenza qabel ma jkunu jistgħu jafdaw lil Robert Abela, għaliex dak li beda jseħħ fl-2013 xegħel diversi bozoz ħomor.

Jekk pajjiżna fis-snin li għaddew tilef ħafna mir-reputazzjoni sabiħa li kien igawdi… inkluz fis-settur finanzjarji… għal Robert Abela dan ma jawgura tajjeb xejn bil-mexxejja u d-dinjitarji serji jifhmu tajjeb li l-Prim Ministru Malti, lil hinn mill-ħafna pożi u ddrittar, mhu xejn għajr inkapaċi għalkollox fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter.