Fid-dawl tal-ħafna lmenti li saru dan l-aħħar dwar il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani b’mod partikulari ta’ dawk li huma residenti fid-Dar ta’ Bormla u dawk kollha li qed jissieltu biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja li dejjem qiegħed isir aktar impossibbli għall-anzjani, il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jikxef il-konfużjoni tal-Gvern fir-rigward ukoll tal-politika għall-anzjani li llum nistgħu nikkonfermaw b’aktar konvinzjoni, li m’għandux.
Il-konfużjoni ta’ dan il-gvern ta’ Robert Abela qed toħroġ fiċ-ċar fid-deċiżjonijiet li qed jieħu dwar id-Dar tal-Anzjani f’Bormla, meta llum qed ixejjen dak li kien qiegħed jgħid ftit ilu.
Il-PN se jkun fuq quddiem nett biex jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar, serħan il-moħħ, kura, dinjità u rispett lill-anzjani tagħna – għaliex l-anzjani tagħna hekk biss jixirqilhom.
Dawn kienu l-kummenti li tat lil Il-Mument, Paula Mifsud Bonnici, Assistent Whip u Kelliema għall-Anzjanità Attiva responsabbli mill-anzjani, is-servizzi fil-komunità u d-djar għall-anzjani, f’intervista dwar il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani u l-kritika li saret dan l-aħħar mill-istess anzjani fir-rigward ta’ dak li għaddejjin minnu l-anzjani residenti fid-Dar ta’ Bormla, u ta’ dawk li fis-silenzju qegħdin biss ibatu.
Filwaqt li ssellem lill-persuni kollha kbar fl-età – lill-anzjani kollha f’Malta u Għawdex u tgħidilhom grazzi tal-kontribut kbir li taw u għadhom jagħtu lis-soċjetà tagħna, Paula Mifsud Binnici qalet li fi żminijiet daqstant diffiċli ġewwa pajjiżna fejn l-għoli tal-ħajja qiegħed jifni lil min l-aktar għandu bżonn, fejn għandna Gvern arroganti li sfortunament mhuwiex jisma’ l-karbiet ta’ dawk li fis-silenzju qegħdin ibatu, tħossha fid-dover li sserraħ ras l-anzjani li l-Partit Nazzjonalista qiegħed magħhom.
“Il-Partit Nazzjonalista kien, għadu u jibqa’ l-vuċi u l-leħen tagħkom,” qalet lil Il-Mument id-Deputat Nazzjonalista li fissret li l-Partit Nazzjonalista kien, għadu u se jibqa’ dak il-Partit li jiddefendi lil kull min qed ibati inġustizzja soċjali, li qiegħed jgħix fil-faqar, li m’għandux saqaf fuq rasu, u li ma jistax ilaħħaq bil-pensjoni tiegħu għaliex għal dan il-Partit Nazzjonalista, l-anzjan kien, għadu u jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.
Paula Mifsud Bonnici qalet li allura ma tistax tippermetti illi filwaqt li dan il-Gvern sparpalja €400 miljun fuq Vitals u Steward biex suppost jagħtu sptarijiet u servizzi tas-saħħa eċċellenti, illum għandna anzjani fl-Isptar Mater Dei li qishom qegħdin f’xi bunker tas-suldati.
“Morru araw l-anzjani fl-MIU 6 – kollha ħdejn xulxin kważi xejn jifridhom ħlief boroz tal-plastic mal-art biex ipoġġu l-affarijiet tagħhom. Ma għandhom ebda privatezza. Mingħajr ebda konsiderazzjoni għas-saħħa mentali tagħhom. X’inġustizzja!”
Robert Abela jippermetti li nies tal-qalba, fosthom sieħbu Joseph Muscat, iħaxxnu buthom u fl-istess waqt Robert Abela jippermetti wkoll li l-anzjani fl-Isptar Mater Dei jiġu trattati b’dan il-mod.
Hawnhekk, Paula Mifsud Bonnici qalet lill-anzjani li qed jgħixu fid-Dar ta’ Bormla u li ħafna minnhom twieldu, trabbew u għexu fil-Kottonera, li l-Partit Nazzjonalista, bħalma dejjem kellu l-Kottonera u n-nies tal-Kottonera, qiegħed magħkom ukoll f’din is-sitwazzjoni li qegħdin fiha llum, mhux tort tagħkom imma tort ta’ dan il-Gvern li jrid iwaqqa’ din id-dar ta’ Bormla.
“Ippermettuli ngħid x’lest li jagħmel dan il-Gvern biex jiġġustifika x-xogħlijiet li se jsiru f’din id-dar detriment tal-anzjani tagħna u għas-saħħa mentali tagħhom li se jkollhom jitilqu l-ambjent tant sabiħ li jgħixu fih, il-ħbieb u lill-carers tagħhom” qalet Paula Mifsud Bonnici.
F’ittra li ħareġ id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex il-Gvern jipprova jiġġustifika għaliex se jibdel din id-dar, qal dan f’punt 6 minn 7 li fiha l-ittra: “Meta f’Diċembru li għadda s-Social Care Standards Authority għamlet spezzjoni, sabet ħafna nuqqasijiet f’din id-dar.
Paula Mifsud Bonnici staqsiet lill-Ministru Jo Etienne Abela għaliex f’Jannar ta’ din is-sena, jiġifieri wara Diċembru, l-istess Social Care Standards Authority ħarġet ċertifikat li huwa validu sa Jannar tas-sena d-dieħla, li din id-dar hija konformi mal-istandards u l-liċenzja ġiet imġedda.
Id-Deputat Nazzjonalista qalet li dan hu ngann u staqsiet: “Min qed jigdeb hawn Ministru – INT jew l-Awtorità tal-Istandards? Nispera issa mhux se jgħid li l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Lisa Cassar Shaw, ħarġet xi ċertifikat bi żball jew falz? M’intomx tidħku bl-Oppożizzjoni; qed tidħku bl-anzjani u dak huwa l-inkwiet tagħna.”
Punt ieħor li semmiet Paula Mifsud Bonnici hi li l-Ministru Jo Etienne Abela, wara li urina żewġ ritratti ta’ suffetti bil-moffa (bħallikieku minħabba s-suffetti nwaqqgħu dar) ivvinta l-istorja tal-konkos – li n-Nazzjonalisti għamlu konkos ħażin u li l-anzjani tagħna qegħdin f’periklu ċar.
Paula Mifsud Bonnici qalet li issa din drajniha li meta jkunu darhom mal-ħajt, il-Labour joħroġ xi storja fuq xi konkos. Kulħadd jaf kemm allegazzjonijiet saru 10 snin ilu fuq il-konkos tal-Isptar Mater Dei. Sal-lum dan il-Gvern la tella’ lil ħadd fuq il-konkos, u l-Isptar Mater Dei għadu bl-istess konkos ukoll.
Staqsiet ukoll jekk jafx il-Ministru li wara kollox, il-konkos mhux veru sar fi żmien Gvern Nazzjonalista. Kien Gvern Laburista li għamel u lesta l-kostruzzjoni kollha.
F’każ li naqblu li l-Ministru ħa żball ieħor, insaqsu għaliex il-Ministru qed ibeżża’ lill-anzjani fuq il-konkos? Għaliex qed jgħid lill-anzjani li qegħdin f’periklu? U jekk dawn qed jingħad li qegħdin f’periklu, għaliex għadhom hemm sal-lum meta l-Ministru qal li ndunaw waqt xogħlijiet li saru sena ilu. “Din hija irresponsabbiltà. Dan huwa abbuż fuq l-anzjani tagħna,” qalet Paula Mifsud Bonnici li talbet għal darb’oħra li ssir inkjesta biex ikun determinat l-istat ta’ din id-dar.
Paula Mifsud Bonnici fakkret lill-Ministru dak li qal nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Ġunju – li m’hemmx għalfejn issir inkjesta għaliex ‘sa issa ħadd ma weġġa’.
Mela fil-każ ta’ Jean Paul Sofia l-Gvern Laburista ma jridx jagħmel inkjesta pubblika għax safa’ maqtul u hemm l-inkjesta maġisterjali, u fuq id-Dar tal-Anzjani f’Bormla ma jridx inkjesta għax sa issa ma weġġa’ jew miet ħadd!
“Bla rispetti. Bla rispett lejn il-familja ta’ Jean Paul Sofia. Bla rispett lejn l-anzjani u l-familjari ta’ dawn l-anzjani,” qalet Paula Mifsud Bonnici fir-reazzjoni tagħha għaliex il-Gvern Laburista ma jridx jagħmel inkjesta.
Mitluba tikkummenta dwar ir-rapporti tal-periti, Paula Mifsud Bonnici saħqet li waħda mir-raġunijiet tal-Gvern għaliex ħa jwaqqa’ d-dar kienet proprju minħabba li f’Diċembru 2022 l-Awtorita sabet diversi nuqqasijiet fid-dar. Minkejja dan, f’Jannar li għadda l-istess Awtorità ħarġet ċertifikat fejn il-liċenzja tad-Dar reġgħet ġiet imġedda sa Jannar 2024. U għaldaqstant, li d-Dar ma kenitx up to standard kienet qed tintuża biss mill-Ministru bħala skuża biex ikun jista’ jwaqqa’ d-Dar. Kulħadd jaf li biex tagħmel standards għoljin m’għandekx għalfejn twaqqa’ dar.
Paula Mifsud Bonnici kompliet li filwaqt li l-Ministru dejjem tkellem fuq it-twaqqigħ tad-Dar kollha, skont l-outline application li ġiet ippubblikata din il-ġimgħa jidher li l-Ministru biddel il-ħsieb u ser ikun qed iwaqqa’ parti minnha.
Dan id-diskors joħroġ biċ-ċar il-konfużjoni ta’ dan il-gvern kif ukoll ixejjen dak li kien qiegħed jgħid li għax il-konkos kien ħazin, daqstant li l-anzjani kienu f’periklu ċar.
“Dwar il-konkos, il-Gvern nhar l-Erbgħa li għadda poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra rapport ta’ perit dwar il-konkos. Dan ir-rapport mhux talli ma ġiex ippreżentat qabel meta staqsejtu għalih imma talli niskopru li d-data ta’ meta sar ir-rapport kien Settembru 2021. U allura nistaqsi – jekk kellu dan ir-rapport f’idejh f’Settembru 2021, u jekk il-Ministru ilu jbeżża’ lill-anzjani li kienu fil-periklu, għaliex ma ħax azzjoni qabel? Għaliex l-anzjani qed jinħarġu issa jekk ilu jaf b’dan il-periklu?”
Awgurat lill-Prim Ministru u lill-Ministru responsabbli li ma jdumux ma jlestu x-xogħlijiet meħteġa daqskemm ilu jibni d-dar tal-anzjani f’Għawdex, jew bħalma għamel f’tal-Imsida li l-Gvern Laburista waqqagħha u tħalliet hekk.
Paula Mifsud Bonnici qalet li l-Partit Nazzjonalista għandu track record sabiħ fil-qasam tal-anzjani. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li fir-realtajiet li ngħixu fihom illum, irridu naħdmu aktar biex l-anzjani tagħna jingħatalhom dak li huwa tagħhom bi dritt.
Il-PN mhux ser jagħmel bħall-Partit Laburista. Il-PN ma jiddeċidiex għall-anzjani tagħna biex jaġevola lil xi wieħed jew tnejn. Il-PN jemmen bi sħiħ li l-anzjani tagħna għandhom id-dritt li jiddeċiedu għalihom infushom u għaldaqstant id-deċiżjonijiet li se jkun qed jieħu, ser ikun qed jeħodhom flimkien magħhom.
Il-Partit Nazzjonalista huwa l-uniku partit li qed joffri tama u viżjoni.
- Se jkun qed jinvesti parti minn flus il-poplu fl-anzjani tagħna għaliex il-PN irid li l-anzjani tagħna jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba u sana.
- Irid li jkollhom ambjent aħjar u huwa għalhekk li l-PN ressaq abbozz ta’ liġi biex l-ambjent ikun ukoll wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-anzjani ukoll fil-kostituzzjoni tagħna.
- Il-PN ser jassigura li jkollna liġijiet li jħarsu lill-persuni kbar fl-età minn kull ħsara jew abbuż u bi strutturi li jagħtu protezzjoni sħiħa lill-anzjani.