“Kull min hu responsabbli għandu jħallas t’għemilu; kemm politiċi kif ukoll dawk in-nies li għandhom il-poter. Jiena se nkompli niġġieled għall-ġustizzja”.
Dan sostnietu Isabelle Bonnici f’intervista mat-Times hekk kif irrakkuntat dak li għaddiet minnu dakinhar li Jean Paul Sofia tilef ħajtu kif ukoll dak li għaddiet minnu fix-xhur ta’ wara.
Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena tilef ħajtu b’mod l-aktar traġiku f’Diċembru li għadda wara li kkrollat binja f’Kordin; każ li għadu mifni b’diversi domandi.
Waqt din l-intervista, Isabelle Bonnici qalet li għalkemm issa għaddew ‘il fuq minn sitt xhur mill-mewt ta’ binha…. l-uġigħ li għandha f’qalbha qatt ma ttaffa’.
Hija spjegat kif fl-ewwel ftit ġimgħat ma setgħetx taċċetta dak li ġara. U kienet taħseb li binha mar vaganza u li dalwaqt se jirritorna lura.
Eventwalment hija aċċettat ir-realtà tas-sitwazzjoni li tinsab fiha u esprimiet li s-seperazzjoni minn binha qed tħossha ferm aktar … aktar kemm jgħaddi ż-żmien.
Meta ġiet mistoqsija dwar ir-raġuni li ma’ attendietx il-funeral ta’ binha hija qalet li għaliha l-aħħar tislima lil binha kienet meta Jean Paul kien sejjer għax-xogħol dakinhar tat-traġedja. U sostniet li hekk tixtieq li tiftakar lil binha.
Barra minn hekk, Isabelle qalet li sal-lum il-ġurnata għad m’għandiex kuraġġ tidħol fil-kamra tas-sodda ta’ binha. Fil-fatt, din għadha l-istess bħalma kienet sitt xhur ilu.
Fil-kċina Isabelle għandha żewġ ritratti…wieħed tal-ewwel tifel li kellha u li miet wara ħames tijiem; u l-ieħor ta’ Jean Paul Sofia. Hija eprimet li dejjem se jibqgħu f’qalbha iżda issa mhix se tismagħhom isejħulha ‘ma’.
Waqt l-intervista, Isabelle sostniet li se tkompli tiġġieled għal ġustizzja totali ma’ binha, sal-aħħar nifs ta’ ħajjitha. Hija saħqet fuq l-importanza li ssir inkjesta pubblika għaliex din l-inkjesta tara x’mar ħażin mill-bidu nett. Filwaqt li d-dettalji ta’ Inkjesta Maġisterjali jibqgħu sigrieta.
Hija qalet li inkjesta pubblika hija neċessarja sabiex traġedji bħal dawn ikunu evitati, ħalli l-ebda persuna ma jkollu jgaħddi minn dak li għaddiet hi filwaqt li binha ma jkunx miet għalxejn.
Isabelle fakkret li l-Prim Ministru qed jirrifjuta bil-qawwa kollha li jiftaħ inkjesta pubblika. Minkejja li b’hekk biss pajjiżna jista’ jitgħallem mill-iżballji u jsiru t-tibdiliet meħtieġa fil-liġijiet ta’ pajjiżna.
//= $special ?>