Jispikkaw għotjiet kbar ta’ flus minn entitajiet pubbliċi… filwaqt li jiżdied it-tberbiq mhux kontabbli.
Persuni ħabrieka u ġenwini li jimmilitaw f’organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-jiem li għaddew tkellmu magħna u wrew it-tħassib tagħhom dwar dak li qed jiġri fi ħdan il-Fondazzjoni Marigold.
Il-Fondazzjoni Marigold hi mmexxija minn Michelle Muscat, li hi l-mara tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat li hu fiċ-ċentru ta’ numru ta’ allegati skandli mill-aktar serji.
Ħareġ din il-ġimgħa mill-Parlament kif il-Fondazzjoni Marigold ingħatat €170,000 mill-Malta Gaming Authority fuq temp ta’ erba’ snin!
Għal Mistoqsija Parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra lista b’ċifri uffiċjali li juru kif b’kollox, mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Ekonomija mmexxi minn Silvio Schembri, il-Fondazzjoni Marigold ingħatat €184,231 f’donazzjonijiet.
Tajjeb li wieħed ifakkar f’Mistoqsijia Parlamentari oħra, iżda li kienet saret fl-2020. Dakinhar kien irriżulta li ma’ dawn, il-Fondazzjoni Marigold kienet ingħatat ukoll €52,000 mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).
Dawk li tkellmu ma’ Il-Mument filwaqt li staqsew jekk it-twaqqif tal-Fondazzjoni Marigold kienx bħala parti mir-road map li kien jiftaħar biha Joseph Muscat, fakkru li din il-Fondazzjoni kienet twaqqfet minn Michelle Muscat fl-2014 bl-appoġġ tal-Bank of Valletta.
Fakkruna wkoll is-sorsi tagħna, li diġà kien stabbilit li din il-Fondazzjoni Marigold kienet nefqet kważi nofs il-fondi li rċeviet f’donazzjonijiet għall-karità f’avvenimenti u f’reklamar. Dan skont kontijiet awditjati għall-2021 li kienu tressqu fl-aħħar xhur.
Filwaqt li fakkru li l-iskop prinċipali tal-Fondazzjoni Marigold suppost li hu dak li tappoġġja s-settur tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, ċioè dawk filantropiċi billi talloka donazzjonijiet riċevuti lill-organizzazzjonijiet sħab, is-sorsi ta’ Il-Mument qalulna li jekk wieħed janalizza ftit il-kontijiet ippreżentati mill-Fondazzjoni, isib li mill-€146,379 li waslu f’donazzjonijiet, 47 fil-mija jew €68,956 intefqu fuq “kampanji, avvenimenti u spejjeż operattivi oħra”.
Jirriżulta li fi tmiem l-2021, il-Fondazzjoni Marigold kellha bilanċ ta’ €742,255.
F’dak ir-rapport partikulari Robert Xuereb, li hu l-Amministratur tal-Fondazzjoni, elenka biss tliet avvenimenti organizzati mill-Fondazzjoni, b’avveniment ieħor online.
Jingħad li l-isfida tal-għawm fuq distanza twila minn Michelle Muscat – ikkwotata bħala “l-attività ewlenija ta’ ġbir ta’ fondi għall-Fondazzjoni” – ma saritx “peress li ċ-Chairperson Michelle Muscat kienet avżata biex ma twettaqx l-isfida minħabba raġunijiet ta’ saħħa miġjuba mill-Covid-19”.
Ta’ min ifakkar kif lura fl-2019, Michelle Muscat kienet esposta b’mod imbarazzanti fuq il-midja soċjali hekk kif stqarrijiet esaġerati ħafna dwar il-kisbiet tagħha waqt l-għawma fuq distanza twila kienu spiċċaw redikolati u mhux emmnuti. Jidher li bħala tweġiba għall-kontroversja tas-sena preċedenti, l-isfida ma kellhiex distanza mkejla fl-2020. Fl-2021, ġiet ikkanċellata għalkollox… U tifhem ir-ruħ!
Is-sorsi ta’ Il-Mument josservaw kif fir-rapport tal-Amministratur jingħad ukoll li: “l-attivitajiet annwali tas-soltu ma setgħux isiru minħabba restrizzjonijiet tal-Covid-19 u n-nuqqas twil tal-persunal tal-Fondazzjoni Marigold mill-Uffiċċju”. Madankollu, fit-30 ta’ Ottubru saret l-ikla ta’ gala annwali Pink October/November. Uffiċjalment l-uniku avveniment ta’ ġbir ta’ fondi tal-Fondazzjoni għas-sena!
Ir-rapport jistqarr ukoll li: “bħas-snin preċedenti, kompla jiżdied l-għarfien permezz ta’ billboards, reklami edukattivi fuq stazzjonijiet tat-TV u tar-radju kif ukoll bus stops, dehriet fuq it-TV, sessjonijiet motivazzjonali għas-superstiti u laqgħat ma’ diversi professjonisti tas-saħħa”, filwaqt li jżommu lura milli jelenkaw kwalunkwe aktar dettalji dwar kif intefqu l-flus.
Ta’ min ifakkar kif originarjament, il-Fondazzjoni Marigold kienet twaqqfet inizjalment mill-Bank of Valletta fl-2014. Iżda Michelle Muscat kienet ingħatat il-kontroll tagħha fl-2019 permezz ta’ somma simbolika ta’ €100 b’emenda għall-att tal-Fondazzjoni.
Sussegwenjement, bejn l-2017 u l-2019 daħħlet aktar minn €300,000 f’fondi minn diversi kontributuri.
Sadattant il-Fondazzjoni ngħatat aktar minn nofs miljun ewro f’fondi pubbliċi u dan minn meta Joseph Muscat kien sar Prim Ministru fl-2013.
Minkejja l-mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’donazzjonijiet u f’fondi, il-Fondazzjoni Marigold għadha trid twaqqaf sit elettroniku u tfassal b’mod stampat statut formali li jiddikjara l-principji u l-iskopijiet preċiżi tagħha.
//= $special ?>