Futbol Sport

“Ninsabu fi grupp diffiċli, il-partiti li jmiss huma kollha ta’ sfida”, Michele Marcolini

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Lejliet il-partita kontra l-Ukrajna mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-EURO2024, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Michele Marcolini qal li Malta tinsab fi grupp diffiċli ħafna u li l-partiti li jmiss huma kollha ta’ sfida. Marcolini qal li l-plejers tiegħu huma determinati li minkejja dan, jkollhom prestazzjonijiet tajba u anke jiksbu riżultati pożittivi.

It-Tnejn filgħaxija, Malta tilgħab kontra l-Ukrajna fl-Antona Malatinského Stadium f’ Trnava fis-6.00pm. Il-kowċ tat-tim Malti tkellem ukoll dwar l-avversarji, fejn qal li l-Ukrajna għandhom skwadra mill-aqwa bi plejers ta’ livell ogħli. Marcolini ammetta li t-tim Malti jrid juri titjib fuq il-prestazzjoni li kellu kontra l-Ingilterra fit-telfa ta’ 4-0.

Fl-istess konferenza kien hemm ukoll il-plejer Malti Teddy Teuma fejn wera simpatija mat-tim Ukren minħabba li ma jistax jilgħab f’pajjiżu minħabba l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.