Tkompli toħroġ iktar fil-beraħ il-qasma bejn Clyde Caruana u Robert Abela għaliex filwaqt li Caruana insista li hemm bżonn bidla fil-mudell ekonomiku, f’diskors mimli Buzzwords Robert Abela tenna li l-pajjiż għandu bżonn diversifikazzjoni fl-ekonomija.
U filwaqt li Malta tinsab fgata bil-populazzjoni, fgata bil-konġestjoni tat-traffiku, u fgata bit-tniġġis, b’konsegwenza li l-isptarijiet m’humiex ilaħħqu mal-pazjenti, s-saħħa mentali dejjem qed tmur lura u l-kirjiet splodew ‘il fuq .. Robert Abela għażel li jinjora l-isfidi u infexx jiftaħar bi proġett jew tnejn li bħalissa għaddej bih Gvern Laburista.
F’intervista ta’ madwar siegħa li saret il-Ħadd filgħodu, Robert Abela għażel li jiftaħar bl-ekonomija ta’ pajjiżna filwaqt li injora kompletament it-tħassib tan-nies … Diskors identiku ġimgħa wara ġimgħa, li mill-ġdid jerġa’ ma jagħti l-ebda serħan il-moħħ għas-sitwazzjonijiet li verament qed jaffetwaw u jinkwetaw lill-poplu Malti u Għawdxi.
Ir-rata tal-populazzjoni qiegħdha tikber b’mod drastiku kif ikkonfermalna fl-aħħar jiem il-Ministru tal-finanzi Clyde Caruana – dan hekk kif insista li bil-mudell ekonomiku preżenti, fi zmien 17–il sena, il-populazzjoni Maltija se tlaħħaq it-800 elf ruħ – iżda għal Abela dan mhux inkwetantanti u m’hemmx bżonn ta’ tibdil fil-prattiċi adottati minn Gvern Laburista … iżda diversifikazzjoni fl-ekonomija.
Fid-diskors tiegħu, Robert Abela b’mod insensittiv għall-aħħar ma tax soluzzjoni għall-għoli tal-ħajja. Dan wara li ftaħar li Gvern Laburista biss iħaddan prinċipji soċjalisti.
Diversi esperti fl-aħħar jiem appellaw lill-Gvern imexxi minn Robert Abela sabiex b’diskussjoni fit-tul isib soluzzjoni għall-faqar li qed jiżdied ġurmata wara l-oħra, kif ukoll għall-ammont ta’ nies li qed jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom… iżda għal Robert Abela r-rata ta’ faqar f’pajjiżna naqset.
Dan b’kuntrast għall-aħħar għaliex rapport maħruġ mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika wera kif madwar 100,000 persuna jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali b’diversi persuni minn kull faxxa tas-soċjetà li mhux ilaħqu mal-ħajja.
Apparti dan … Artiklu li kien ippubblikat din il-ġimgħa fis-sit elettroniku tal-media Laburista dwar il-faqar u l-għoli tal-ħajja kellu baraxx ta’ kummenti negattivi… ħafna minnhom jikkundannaw dak li intqal peress li ingħad li l-faqar f’pajjiżna naqas … iżda r-realtà li qed jaffaċċjaw in-nies tmur lil hinn mill-impressjoni li prova jagħti Robert Abela u l-media tiegħu.
Dan kollu juri biċ-ċar kemm il-Prim Ministru Robert Abela jinsab maqtugħ mir-realtajiet tan-nies, u mhux iħoss il-polz tal-poplu Malti u Għawdxi.
U dwar dak li qalet Carmen Ciantar, fl-aħħar jiem … hekk kif Ciantar sostniet li mhux qed teskludi li esponenti tal-Partit Laburista qed iwettqu frame-up fuqha u fuq bintha biex ikissru lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne …. Abela baqa’ b’fommu sieket u ddeċida li ma joħroġx għonqu għal Fearne.
//= $special ?>