Lokali

Robert Abela ma jistax jaħrab mill-fatt li hu kompliċi dirett mal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat

Robert Abela ma jistax jaħrab mill-fatt li hu kompliċi dirett mal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat f’diversi skandli li għalihom għamel u qed ikompli jagħmel tajjeb il-poplu Malti u Għawdxi bit-taxxi tiegħu.

Każ tipiku huma l-imtieħen fil-Montenegro… skandlu ta’ ħmieġ u korruzzjoni li dwaru Robert Abela ma għamel assolutament xejn għas-sempliċi raġuni li, fost l-oħrajn, hu kien il-Konsulent ta’ Kastilja. L-istess kif ma għamel assolutament xejn fir-rigward tas-serqa tat-tliet sptarijiet, il-ftehim mas-Socar u l-bini ta’ power station bla bżonn, l-iskandlu tal-American University of Malta…

Robert Abela, li jgħix stil ta’ ħajja lussuza ħafna, għandu f’idejh informazzjoni aktar minn biżżejjed biex jekk għandu rieda politika korretta, jindirizza b’mod effettiv dan l-iskandlu tal-imtieħen fil-Montenegro… Skandlu li moħbi warajh hemm persuni bħal Joseph Muscat u Konrad Mizzi u oħrajn.

Bla dubju ta’ xejn li Robert Abela jaf ben tajjeb li xhur ilu l-Korporazzjoni kienet qalet li kienet għamlet rapport mal-Pulizija dwar tranżazzjonijiet b’rabta mal-imtieħen tal-Montenegro.

Jaf Robert Abela li l-Korporazzjoni Enemalta kienet qalet li għalkemm ma taf bl-ebda allegat tranżazzjonijiet bejn Cifidex u 17 Black kienet ikkummissjonat investigazzjoni interna dwar il-każ. Dakinhar il-Korporazzjoni Enemalta kienet qalet li d-Diretturi tagħha huma kommessi li jikkoperaw mal-Awtoritajiet investigattivi.

Kienet qalet li f’Marzu 2014 kienet infurmata mill-Gvern Malti li l-Gvern Malti u Shanghai Electric Power kienu qablu li jikkollaboraw biex jidentifikaw proġetti ta’ enerġija rinovabbli fl-Ewropa. Fost il-proġetti ġie identifikat il-Mozura Wind Farm f’Montenegro. L-Enemalta kienet qablet li tissieħeb fl-inizjattiva!

Dakinhar, dejjem skont il-Korporazzjoni Enemalta, kien ġie ffurmat konsorzju bejn Shanghai Electric Power, Enemalta, Vestigo, u Envision Energy.

L-Enemalta qablet li takkwista 100% ownership tal-imtieħen f’termini ta’ ftehim ma’ Cifidex. Qalet li l-intenzjoni tal-Enemalta kienet li tbigħ l-assi tagħha.

L-Enemalta kienet qalet li ħallset €3.5 miljun f’Diċembru tal-2015 biex tassigura l-akkwist tal-wind farm bi prezz finali ta’ €10.3 miljun. Spjegat li ma kinitx se tħallas l-€10.3 miljun hi imma li dan kien se jitħallas mill-konsorzju ġdid International Renewable Energy Development Limited (70% ta’ Shanghai Electric Power (Malta) u 30% ta’ Enemalta), Vestigo, u Envision.

L-Enemalta kienet qalet li spiċċat tħallas €2.977 miljun. Kienet żiedet li meta bigħat 90% tax-shareholding tagħha, għamlet profit ta’ €811,000 u ssoktat li l-konsorzju ngħata l-opportunità jixtri l-ishma fl-imtieħen minn Cifidex u mhux minn Fersa.

Dakinhar kienet spjegat li saru għadd ta’ rapporti ta’ due diligence!

Ta’ min ifakkar li ftit ġimgħat ilu biss, kien żvelat li l-Korporazzjoni Enemalta kienet taf li kienet qed tħallas it-tripplu tal-prezz oriġinali għall-ishma tagħha fl-imtieħen tal-Montenegro.

Fil-fatt il-Korporazzjoni Enemalta kienet qabdet kumpanija legali biex teżamina t-tranżazzjoni fil-Montenegro wara li fil-midja kienu ħarġu rapporti li kienu juru kif Yorgen Fenech, is-suspettat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien approfitta b’mod sigriet mill-ftehim li kien sar permezz tal-kumpanija sigrieta tiegħu 17 Black.

F’Mejju li għadda kien żvelat kif il-Korporazzjoni Enemalta kienet ippubblikat sommarju ta’ dak li ħareġ mill-investigazzjoni tad-ditta legali li isimha baqa’ ma ġiex ippubblikat, mar-rapport finanzjarju tal-kumpanija għall-2019.

Il-Korporazzjoni Enemalta kienet xtrat l-imtieħen tal-Montenegro għal €10.3 miljun, u dan ifisser it-triplu ta’ €2.9 miljun li tħallsu ġimgħatejn biss qabel minn Cifidex.

Cidifex hija kumpanija anonima offshore li biegħet l-ishma tagħha lill-Enemalta f’Diċembru tal-2015. Din il-kumpanija għamlet qligħ konsiderevoli mill-bejgħ ta’ dawn l-ishma.

Dakinhar kien spjegat li minn investigazzjoni li kienet saret, kien irriżulta kif is-Cifidex kienet proprjetà ta’ Turab Musayev u li kien fil-bord tal-Electrogas ma’ Yorgen Fenech.

It-tranżazzjonijiet li saru wrew li l-kumpanija ta’ Fenech, 17 Black, iffinanzjat is-somma ta’ €2.9 miljun lil Cifidex biex tixtri l-ishma fil-Motenegro. Min-naħa tagħha Cidifex biegħet l-ishma lill-Enemalta għall-€10.3 miljun u wara tat lura l-flus li ngħatawlha lil 17 Black u magħhom kien hemm il-profitt li għamlet il-kumpanija.

Skont is-somamrju tal-kumpanija legali, il-Korporazzjoni Enemalta kienet taf bid-differenza fil-prezz, madankollu ma kinitx taf ta’ min hija l-kumpanija Cifidex!

Fis-sommarju id-ditta legali qalet li hija ma kellhiex aċċess għall-korrispondenzi elettroniċi tal-Bord u tal-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta.

Tajjeb li nfakkru li f’dak ir-rapport, id-ditta legali kienet qalet li kien hemm nuqqasijiet rigward il-governanza korporattiva li dawn normalment ma jkunux fi tranżazzjonijiet simili. Madankollu is-sommarju ma jagħtix iktar dettalji dwar dawn in-nuqqasijiet.

Il-ġurnal qal li l-Enemalta qalet li, wara li ġie ppreżentat ir-rapport tad-ditta legali, hija se tindirizza n-nuqqasijiet identifikati permezz ta’ strutturi ta’ governanza tajba.

Bla dubju ta’ xejn li Robert Abela għandu ħafna xi jwieġeb dwar dan kollu. Imma għandha ħafna xi twieġeb ukoll il-Ministru Miriam Dalli li llum hi responsabbli mis-settur tal-Enerġija.

Quddiem il-konferma ta’ ħmieġ fl-iskandlu tal-imtieħen tal-Montenegro, il-poplu jistenna akkontabbiltà kemm minn Robert Abela u anki mill-Ministru Miriam Dalli li allura għandhom iwieġbu.

Dwar dan kollu ħadt ir-reazzjonijiet ta’ Mark Anthony Sammut li hu l-Kelliem dwar l-Enerġija tal-Partit Nazzjonalista.

Hu qal li r-rapport intern li sar mill-Korporazzjoni Enemalta jikkonferma l-ħmieġ u n-nuqqasijiet gravi li hemm fl-iskandlu tal-imtieħen tal-Montenegro.

Dan ir-rapport ġie mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra biss wara rebħa fl-appell għal talba għal Informazzjoni lill-Awtorità Pubblika ta’ wieħed mill-ġurnali bl-Ingliz f’pajjiħna u wara sensiela ta’ Mistoqsijiet Parlamentari mill-Oppożizzjoni.

Mark Anthony Sammut spjega li dan ir-rapport jikkonferma li wħud mill-membri li nnomina l-Gvern fil-Bord tal-Korporazzjoni Enemalta ma kellhomx il-kompetenzi u l-esperjenza meħtieġa għal Bord ta’ entità bħal din u ġew maħtura biss għal skopijiet politiċi.

Ir-rapport jikkonferma wkoll li l-proposta tax-xiri tal-wind farm saret lill-Bord direttament minn Konrad Mizzi, fakkar Mark Anthony Sammut.

Hu żied li r-rapport jikkonferma wkoll li l-Korporazzjoni Enemalta kienet taf minn qabel li kienet qed tħallas tliet darbiet aktar tal-prezz li bih Cifidex ftehmet li tixtri l-istess wind farm, b’Cifidex imbagħad tgħaddi €4.6 miljun lill-kumpanija sigrieta 17 Black ta’ Yorgen Fenech, liema kumpanija kellha tgħaddi €5,000 kuljum lil Konrad Mizzi u Keith Schembri. Minkejja dan, il-Bord tal-Enemalta fl-ebda ħin ma ddiskuta din id-differenza fil-prezzijiet, minkejja li kien konxju tagħha.

Ir-rapport jgħid ukoll li biex saret din l-investigazzjoni interna, id-ditta legali li kitbet ir-rapport ma kellhiex aċċess għall-emails personali u għall-kompjuters tal-Enemalta, minkejja l-Ministru qalet fil-Parlament li “l-Enemalta offriet kollaborazzjoni massima biex dan ir-rapport seta’ jseħħ.”

Mark Anthony Sammut kompla li Robert Abela u l-Ministru Miriam Dalli għandhom ħafna xi jwieġbu dwar dan l-iskandlu.

Min-naħa tagħha, Miriam Dalli għandha ħafna xi twieġeb għaliex:

• Kienet hi l-uffiċċjal tal-komunikazzjoni tal-Eks Ministru Konrad Mizzi;

• Kienet hi li għal sentejn u nofs għamlet minn kollox biex taħbi dan ir-rapport;

• Hija hi l-Ministru li lill-Eks Ministru Mizzi għadha tgħattilu sal-ġurnata tal-lum, meta tibqa’ tirrifjuta li timxi bi trasparenza sħiħa fis-settur tal-enerġija li hu mifni fi skandli ta’ korruzzjoni, dlam u ħabi, temm Mark Anthony Sammut.