Caruana bassar li sal-2040 l-popolazzjoni taf tiżdied għal 800,000 – Abela jiddeskrivih bħala sempliċi tbassir
Jekk ma noħolqux mudell ekonomiku ġdid sal-2040 il-popolazzjoni tal-gżejjer Maltin se tiżdied għal 800,000 persuna.
Dan saħqu l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana madwar ġimgħatejn ilu, hekk kif issa li l-gżejjer Maltin mhux jifilħu għaż-żieda qawwija ta’ nies li ġab b’idejh il-Gvern stess – żieda ta’ madwar 100,000 f’temp ta’ għaxar snin; sitwazzjoni illi tant eskalat li l-pajjiż spiċċa bl-isptar għarkupptejh, it-toroq fgati bil-karozzi u t-traffiku, u saħansitra sistema ta’ drenaġġ li mhux qed tlaħħaq. Tant li issa, anke Caruana qed jappella għall-bidla.
Mill-banda l-oħra Robert Abela qed isejjaħ għal tranżizzjoni, minflok il-bidla li tant hija meħtieġa. Fi kliem sempliċi, il-Prim Ministru jrid li jaġġorna dak li skont hu qiegħed jaħdem u jagħti r-riżultati.
Mistoqsi minn Net News dwar x’soluzzjoni konkreta u tanġibbli qed joffri l-Gvern immexxi minnu….Abela ċekken id-dikjarazzjoni li għamel dak li kien l-id il-leminija tiegħu, Clyde Caruana, u qal li dan huwa sempliċi tbassir.
Fl-aħħar jiem, stħarriġ imwettaq mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wera kif mal-100,000 persuna f’pajjiżna jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali; b’esperti fil-qasam jisħqu li l-anzjani mhux ilaħqu bil-pensjoni biss – b’uħud minnhom qed jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom. Oħrajn qed jisħqu li mhux qed ilaħqu mal-għoli tal-ħajja u mal-kirjiet … tant li minn ħajja normali, f’tebqa t’għajn tista’ tispiċċa tissielet biex ma ssibx ruħek fil-faqar.
Quddiem din ir-realta’ – mingħajr ma ta ebda soluzzjoni konkreta għajr għas-sussidji taċ-ċereali u l-qmuħ u s-sussidji tal-enerġija – Robert Abela stqarr biss li hu “qed iħoss” għal dak li jkun.
B’kuntrast, huwa l-PN li qed joffri s-soluzzjonijiet; fost l-oħrajn bil-pjan tiegħu li jinħolqu setturi ġodda tax-xogħol li joffru pagi aħjar għall-ħaddiema.
Dan apparti li l-PN qed jipproponi wkoll li l-COLA ma tibqax tiġi intaxxata – hekk kif mid-€9.90 ċenteżmu fil-ġimgħa f’għajnuna kontra l-għoli tal-ħajja, il-Gvern preżentament qed idaħħal €25 miljun f’taxxa.