Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili t-Tnejn iddeċidiet favur l-eks deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo u ordnat li hu jingħata ftit aktar minn €76,000 f’telf ta’ onorarja minħabba mankanzi fil-proċess elettorali bejn Ġunju tal-2013 u Novembru 2016.
L-Imħallef Anna Felice filwaqt li laqgħet it-talba ta’ Vassallo ordnat ukoll li tali onorarja tingħata lilu bl-imgħax b’kollox. L-eks deputat Edwin Vassallo kien ressaq il-każ kontra l-Kummissjoni Elettorali u l-Avukat Ġenerali. Vassallo li llum għandu 61 sena u eks Sindku tal-Mosta u għal diversi drabi membru parlamentari fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kien kandidat mal-PN fuq il-11-il Distrett għall-Elezzjoni Ġenerali li saret fid-9 ta’ Marzu 2013.
Fl-istess elezzjoni seħħew mankanzi waqt l-għadd tal-voti fl-Elezzjoni Ġenerali li b’konsegwenza ta’ dawn ġew leżi d-drittijiet fondamentali tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista bil-konsegwenza ukoll illi Vassallo, bħala kandidat għall-istess partit ġie imċaħħad mis-siġġu parlamentari tiegħu skond il-formula stabbilita fil-Kap. 354 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Din għandha bħala għan li tiggarantixxi ir-rappreżentanza stretta proporzjonali fil-Parlament skond Artikolu 52 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. Edwin Vassallo kien kandidat “imdendel” u “next in line” bl-aktar numri ta’ voti li jiġi hekk elett bil-mekkaniżmu korrettorju li tipprovdi il-Kostituzzjoni, iżda li spiċċa mċaħħad minħabba l-istess mankanzi tal-Kummissjoni Elettorali.
Fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Mejju 2015 biex jingħataw lura ż-żewġ siġġijiet misruqa lill-PN, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjoniali tagħha fl-ismijiet Partit Nazzjonalista et vs Kummissjoni Elettorali et ikkunsidrat li “wara li inħadmet il-formula, Edwin Vassallo (u l-ieħor Peter Micallef) ġew esklużi mill-Parlament inġustament.” Oltre dan il-Qorti kienet qalet illi; “ma kienx hemm supervizjoni xierqa u responsabbli mill-Kummissjoni Elettorali kif trid l-Kostituzzjoni u l-Ligi Elettorali.
Sussegwentement kien b’decizjoni tal-istess Kummissjoni li dawn il-voti ‘intremew’ billi tpoggew fil-limbu tal-voti mhux trasferibbli. Il-Qorti Kostituzzjonali fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Novembru 2016, ikkonfermat il-mankanzi tal-Kummissjoni Elettorali u tal-iStat li Edwin Vassallo sofra preġudizzju serju ta’ rappreżentanza parlamenatri.
Il-PN u d-deputati li ma ngħatawx is-siġġu parlamentati għaddew minn battalja legali qalilha minħabba l-oġġezzjoni tal-Partit Laburista, bil-backing tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li anke wara li l-Qorti tal-Appell ikkonfermat li għandhom jingħataw żewġ siġġijiet oħra lill-PN – Muscat kien ħareġ jattajja d-deċiżjoni tal-Qorti u qal li ma kienx qed jaqbel.
Il-Qorti qalet li tqis illi din l-azzjoni ma setgħetx tiġi eżerċitata ħlief minn dakinhar illi Vassallo ħa postu fil-Kamra tad-Deputati wara li fuq ordni tal-Qorti Kostituzzjonali, il-Kummissjoni kkoreġiet ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali, in kwantu li sa dakinhar, id-danni kienu għadhom qed isiru.
Għalhekk u għal dawn ir-ragunijiet, din il-Qorti laqgħet it-talbiet ta’ Vassallo fejn is-siġġu parlamentari tiegħu ma kienx ingħatalu wara aktar minn tliet snin minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni Elettorali u li żbalji tagħha u għalhekk tilef l-onorarja kollha fiż-żmien tan-nuqqas tiegħu.
Vassallo kien serva bħala Segretarju Parlamentari fi Gvern Nazzjonalista. Hu kien ġie elett f’ħames elezzjonijiet konsekuttivi bejn l-1996 u l-2008 u wara battalja legali fuq l-elezzjoni tal-2013, kien reġa’ ġie elett fuq deċiżjoni tal-Qorti fejn sabet li kellu jingħata s-siġġu minħabba żball li kien sar. Għal Vassallo deher l-Avukat Paul Borg Olivier
//= $special ?>