Futbol Sport

Henry Bonello jsofri ksur fil-pala t’idu

Il-paġna ta’ Facebook ta’ Replay irrapurtat li l-goalkeeper internazzjonali Malti u ta’ Ħamrun Spartans Henry Bonello sofra ksur f’idejh waqt il-logħba ta’ llejla bejn Malta u l-Ukrajna.

Jidher li l-ewwel testijiet li sarulu mmedjatament wara s-sostituzzjoni tiegħu kkonfermaw li Bonello għandu ksur fil-pala t’idu.

Bonello nbidel minn Matthew Grech fil-45 minuta tal-logħba kontra l-Ukrajna, wara impatt ma’ plejer avversarju, f’kuntrast li aktarx kien jimmerita wkoll karta safra.

Fil-jiem li ġejjin issa trid tittieħed deċiżjoni jekk Bonello jiġix operat jew le. F’każ ta’ operazzjoni, li jidher li hi l-iktar għażla probabbli, hu maħsub li l-goalkeeper internazzjonali Malti jista’ jitlef madwar tliet ġimgħat nieqes mill-azzjoni.

Bla dubju li din hija aħbar ħażina wkoll għal Ħamrun Spartans li bħalissa għaddejjin bl-aħħar tħejjijiet għal logħob ta’ kwalifikikazzjoni tal-UEFA Champions League.