Lokali

Il-Malta IT Law Association tlaqqa’ ħassieba għal diskussjoni fuq l-Att dwar l-AI tal-Unjoni Ewropea

Il-liġijiet li jirregolaw l-intelliġenza artifiċjali għandhom jippjanaw għal tkabbir rapidu u jaħsbu għall-kompetenza ta’ livell għoli li se jkun meħtieġ biex jiġu infurzati r-regoli, qablu esperti f’Malta.

Antonio Ghio, il-President tal-MITLA, mexxa diskussjoni espansiva dwar diversi oqsma tal-liġi tal-IT.

“L-izviluppi mistennija fil-ħames jew 10 snin li ġejjin se jagħmlu lil ChatGPT jidher antikwat ferm u tkun strateġija terribbli għal-leġiżlaturi li jibbażaw ruhhom biss fuq dak li tista’ tagħmel l-AI llum,” qal il-prattikant tal-AI u membru tal-bord tal-MITLA, Gege Gatt.

L-AI kienet waħda mill-aktar dibattiti jaħarqu waqt ‘Digital Safeguards’, il-konferenza annwali tal-Malta IT Law Association (MITLA), li ġabret flimkien għadd ta’ esperti lokali fil-qasam biex jiddiskutu l-IA, il-privatezza, Cybersecurity u DORA (l-Att dwar ir-Reżiljenza Operattiva Diġitali).

L-Att tal-AI tal-UE, li ġie approvat din il-ġimgħa mill-Parlament Ewropew, kien fiċ-ċentru tal-attenzjoni. L-Att, li għandu l-għan li jkun l-ewwel liġi komprensiva fid-dinja fuq l-AI, se jfittex li jirregola kwalunkwe sistema tal-AI li r-riżultat tagħha imiss ċittadini fis-suq tal-UE.

L-espert tal-AI Dylan Seychell wissa dwar id-diffikultajiet prattiċi li jkun hemm sorveljanza umana ta’ sistemi kumplessi bħal dawn, u l-professur Alexiei Dingli wissa kontra proċeduri ta’ awtovalutazzjoni li diġà kienu problematiċi f’setturi oħra.

L-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) tkellmet dwar ir-responsabbiltà tagħha li tirrappreżenta l-interessi ta’ Malta f’dawn id-diskussjonijiet legali kif ukoll ir-rwol tagħha biex tiċċertifika sistemi tal-IA li jissodisfaw l-istandards tal-UE f’Malta.

Id-diskussjoni tal-panel dwar Cybersecurity enfasizzat il-konverġenza li dejjem tikber bejn il-liġi u t-teknoloġija. Tradizzjonalment meqjusa bħala oqsma separati, ir-realta’ qed iċċajpar il-linji bejn il-kompetenza legali u dik tat-teknoloġija. Id-diskussjoni enfasizzat il-ħtieġa li l-professjonisti legali jifhmu r-riskji ċibernetiċi u li t-teknoloġisti jifhmu r-responsabbiltajiet assoċjati. Il-panel indirizza wkoll l-armonizzazzjoni kontinwa tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda Cybersecurity u l-importanza ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ responsabbiltà inklużi implikazzjonijiet ta’ responsabbiltà personali li qed jiġu introdotti fuq bordijiet ta’ tmexxija.

Il-konferenza annwali kienet opportunità għall-esperti u l-prattikanti legali f’Malta biex jidħlu aktar fil-fond f’diversi liġijiet li jolqtu s-setturi tagħhom, bħad-DORA, liġi tal-UE maħsuba biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji kontra theddid diġitali bħal attakki ċibernetiċi u fallimenti tas-sistema. Il-panel tad-DORA enfasizza l-ambitu wiesa’ tar-regolament peress li kemm entitajiet finanzjarji kif ukoll fornituri ta’ servizzi ta’ partijiet terzi jistgħu jinqabdu fid-dispożizzjonijiet tiegħu. Saret enfasi wkoll fuq il-ħtieġa ta’ monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni tad-DORA għaliex ħafna mid-dettall tekniku meħtieġ biex titlesta l-liġi għadu qed jitfassal mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej rilevanti.

Minħabba l-introduzzjoni ta’ diversi liġijiet ġodda fil-qasam tal-ICT li se jkollhom impatt ukoll fuq il-privatezza, kien mistħoqq dibattitu relatat mal-GDPR. Wieħed mill-panels iddiskuta l-bilanċ fin meħtieġ bejn id-dritt għall-privatezza u d-dritt tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni.

Matthew Caruana Galizia kkontribwixxa b’mod sostanzjali għal dan id-dibattitu u ħeġġeġ għal aktar għarfien miftuħ u drittijiet ta’ aċċess raġonevoli f’dan ir-rigward, partikolarment lill-ġurnalisti investigattivi. Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data, Ian Deguara, indika li f’ xi każijiet, l-uffiċċju tiegħu mhux allineat ma’ prattiċi lokali li jneħħu sentenzi mill-websajt tal-Qrati, filwaqt li Geraldine Spiteri Lucas, CEO tar-Reġistru dwar in-Negozju ta’ Malta (MBR), spjegat għaliex l-aċċess fuq UBOs huwa restritt.

Il-MITLA torganizza avvenimenti regolari li huma mfassla biex iżommu l-komunità legali u teknoloġika ġewwa Malta aġġornata mal-iżviluppi tal-industrija. Il-membri tal-MITLA jiksbu aċċess privileġġat għal dawn l-avvenimenti. Jistgħu jsiru membri fuq www.mitla.org.mt/membership.

L-avveniment kien sponsorjat minn, Fenech & Fenech, GTG Advocates, RMC Wise, Camilleri Preziosi, MDIA, BMIT u CSB Group.