Lokali

Jibqgħu jitkellmu kontra l-abbozz dwar l-ambjent

Wara li ġie ppreżentat l-Abbozz ta’ Liġi mill-Partit Nazzjonalista sabiex jintroduċi d-dritt fundamentali għal ambjent nadif, san u sostenibbli, il-Gvern ta’ Robert Abela qed juri bic-car li mhux se jkun qiegħed jappoġja dan l-abbozz fil-parlament.

Fil-preżent, il-ħarsien tal-ambjent jissemma biss taħt Kapitolu 2 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta … iżda taħt artikolu 21 tal-istess Kapitolu, hemm dikjarazzjoni ċara illi tgħid li id-dikjarazzjoni ta’ prinċipju għall-ħarsien tal-ambjent ma tistax tiġi protetta fil-Qrati ta’ Malta.

Għaldaqstant, l-għan tal-abbozz ippreżentat mill-Partit Nazzjonalista, hu li d-dritt għall ambjent nadif, san u sostenibbli jiġi rikonoxxut bħala parti mid-drittijiet umani … u għall-ewwel darba se tingħata l-awtorità għall-infurzar bil-liġi; fejn f’kazijiet ambjentali l-Qorti tkun tista tara jekk kienx hemm ir-riskju, jew azzjoni attwata diġà ta’ ħsara ambjentali.

Biex jgħaddi, l-abbozz għandu bżonn l-appoġġ ta’ żewġ terżi tal-Membri Parlamentari minħabba li se jwassal għal bidla fil-Kostituzzjoni. Iżda donnu li l-Gvern mhux jagħti importanza għal din il-liġi.

It-Tnejn filgħodu, Net News staqsa lill-Ministru Owen Bonnici dwar din l-emenda fil-Kostituzzjoni, bil-Ministru jghidilna li se jżomm mal-pozizzjoni ta’ sħabu.

Minn naħa tagħħa, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qadet iddur mal-lewża bi tweġibiet miktubin minn qabel minflok ma qaltilna x’inhi l-pożizzjoni tagħha dwar din l-emenda u għaliex il-Gvern ħa pożizzjoni kontra l-abbozz li l-ambjent jitpogga fil-kostituzzjoni – l-ogħla liġi ta’ pajjiżna.