Il-Ħamis 15 ta’ Ġunju ra grupp ta’ residenti Balzanin flimkien ma’ Virginia Monteforte, bl-appoġġ tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan jniedu l-ktieb “A Journey in Balzan”. Monteforte hija antropologa b’diversi xogħolijiet li jittrataw memorji soċjali, politika, migrazzjoni, kultura u letterature u hija gradwata mill-universita’ La Sapienza f’Ruma. Hija mexxiet bosta proġetti kommunitarji f’Malta fosthom Din mhix tazza (2012-13), Rima (2014-present) u Pathways of Wellbeing (2019-20).
Matul it-tnedija Monteforte spjegat li dan il-proġett sar frott ta’ bosta workshops li saru f’Ħal Balzan bl-involviment tar-residenti u ta’ għaqdiet fil-lokalita’. Spjegat li l-għan tax-xogħol huwa li jkun ġabra ta’ memorji fil-forma ta’ vjaġġ. Tkellem ukoll ir-resident Albert McCarthy li fisser kif dan ix-xogħol ġie magħmul b’mod li huwa tajjeb anke għat-tfal sabiex dawn ukoll igawdu mill-vjaġġ ta’ l-istorja u l-identita’ ta’ Ħal Balzan.
F’kelmtejn ta’ l-okkażjoni il-Kappillan ta’ Ħal Balzan Karm Farrugia kellu kliem ta’ ringrazzjament għal dan ix-xogħol u saħaq li bla dubju huwa xogħol li jibqa’ jgħati l-frott anke fil-futur.
Is-Sindku ta’ Ħal Balzan Angelo Micallef min naħa tiegħu qal li l-Kunsill Lokali huwa kburi li ta’ l-appoġġ sħiħ tiegħu lil din l-inizjattiva. Huwa rringrazzja lil Virginia Monteforte, lir-residenti u lil Kunsillier Stephen Gatt tal-ħidma tiegħu f’dan ir-rigward. Is-Sindku qal li Ħal Balzan għandu wirt storiku, naturali u ta’ identita’ imprezzabbli. Wirt li jeħtieġ li jsir kull sforz sabiex jiġi ppriservat u mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Din il-publikazzjoni kellha l-appoġġ tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u kopji tagħha jinstabu għad-disposizzjoni tal-pubbliku mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan.
//= $special ?>