Futbol Sport

Penalty dubjuż għall-aħħar iċaħħad lill-Maltin mill-ewwel punt

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Neil Camenzuli

UKRAJNA…………..1

MALTA………..…….0

Ukrajna: A.Trublin, Y.Konoplya, S.Krivstov, I.Zabarnyi, M.Matvienko (V.Mykolenko 46’), A.Yarmalenko (S.Sydorchuk 80’), T.Stepanenko, R.Malinovskyi (V.Buyalskiy 63’) , G.Sudakov, V.Tsygankov (O.Svatok 95′), V.Vanat (A.Dobvyk 64’)

MaltaH.Bonello (M.Grech 46’), Z.Muscat, S.Borg, J.Borg, R.Camenzuli, T.Teuma (J.Grech 86’), M.Guillaumier, Y.Yankam, J.Mbong (J.Degabriele 86’), J.Jones (S.Dimech 62’), K.Nwoko (A. Satariano 46’)

Imwissija: V.Vanat 43’ (U), R.Malinovskyi 56’ (U), J.Borg 48’, S.Borg 70’ (M),

Skorjaw: V.Tsygankov 72’ (U)

Referee: R.Buquet (FRA)

Assistenti Referees: Nicolas Dano u Aurelien Drouet (FRA)

L-Ukrajna kisbu rebħa mportanti fil-mixja tagħhom lejn il-kwalifikazzjoni minn Grupp Ċ għall-EURO 2024 kontra t-tim nazzjonali Malti. Minkejja l-wirja qalbiena tal-Maltin, il-forzi Ukreni għelbu lil dawk Maltin permezz ta’ gowl uniku ta’ Viktor Tsygankov fit-tieni taqsima li wasal minn penalty dubjuż minn foul kommess fuq Yarmalenko.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet wara ħames minuti logħob mill-Ukreni hekk kif l-attakkant Vanat ittanta xortih mit-tarf tal-kaxxa wara serji ta’ zbalji tad-difiża Maltija, bil-goalkeeper Bonello jevita l-periklu tajjeb u jixħet barra.

5 minuti wara, kien imiss it-tim Malti li jippruvaw isibu x-xibka għall-ewwel darba, b’Jodi Jones jaqta’ għan-nofs mil-lemin minn azzjoni personali u jipprova jsib ix-xibka b’xutt baxx, bil-goalkeeper Trubin isalva bla ebda diffikultà.

L-Ukrajna rrispondew tajjeb bl-istess Vanat jerġa’ jismarka ruħu u jinterċetta l-kross perikoluż ta’ Tsyganov mix-xellug, bil-konklużjoni tiegħu tmur ftit barra.

L-aħjar opportunita’ fl-ewwel 25 minuta waslet għat-tim Malti permezz ta’ azzjoni oħra ta’ Jodi Jones fejn ra l-konklużjoni tiegħu tgħaddi ftit ċentimetri barra hekk kif ipprova jsib ix-xibka b’xutt veloċi minn suġġeriment ta’ Nwoko.

L-Ukreni ħasbu li fetħu l-iskor permezz ta’ Viktor Tsygankov meta xeħet fix-xibka wara intervent tajjeb minn Grech mix-xutt ta’ Yarmalenko, madankollu l-attakkant ta’ Girona kien jinsab f’pożizzjoni rregolari u l-gowl kellu jitħassar.

L-ewwel taqsima ntemmet f’parità ta’ bla gowls, wara 7 minuti ħin miżjud minħabba foul kommess fuq Henry Bonello mill-attakkant Vanat, fejn l-attakkant ta’ Dynamo Kyiv intwera l-karta safra, filwaqt li Bonello ma kompliex il-partita u ġie sostitwit mill-goalkeeper Matthew Grech.

Fit-tieni taqsima l-Ukreni ħarġu fuq l-offensiva u kważi fetħu l-iskor kmieni, hekk kif fit-48 minuta, kisbu penalty minn handsball tad-difensur ċentrali Jean Borg,  madankollu l-attakkant Ukren Yarmalenko ra l-konklużjoni tiegħu taħbat mal-minduda u bid-difensuri Maltina evitaw il-periklu mill-ewwel għal darb’oħra.

Fis-60 minuta kien imiss il-Maltin li joħolqu l-periklu fuq id-difiża Ukrena, b’azzjoni tajba b’sensiela ta’ passes iwassal għax-xutt  ċentrali ta’ Yankam.

Fil-64 minuta żewġ tentattivi oħra salvati minn Grech mill-viċin bl-ewwel waħda tkun daqqa ta’ ras ta’ Buyalskiy u bit-tieni konklużjoni jkun xutt kalm tal-istess plejer.

B’xorti ħażina għat-tim Malti, l-Ukreni kisbu t-tieni penalty tagħhom fit-72 minuta din id-darba minn foul kommess minn l-istess Jean Borg fuq Yarmalenko.  Il-penalty wasal minn deċiżjoni dubjuża tar-referee Buquet fejn deħer li kien hemm kuntatt minimu ħafna bejn iż-żewġ protagonisti fl-azzjoni.

Din id-darba nkariga ruħu mill-penalty Viktor Tsygankov li għall-kuntrarju ta’ Yarmalenko ma żbaljax u xeħet fir-rokna ta’ fuq tax-xellug u għeleb għal kollox lil Grech bil-konklużjoni tiegħu sabiex fetaħ l-iskor u kiseb il-vantaġġ tant mistenni għall-Ukreni.

L-aħħar kwarta logħob kwieta kkumparata mal-bqija tal-partita, bil-plejers Ukreni jikkontrollaw il-pusses tal-ballun u jikkonfermaw ir-rebħa minima kontra l-Maltin.

Jodi Jones jaffronta lill-midfielder ta’ Shakhtar Donetsk Georgiy Sudakov (Ritratt: Domenic Aquilina)
Matthew Guillaumier jikkontrolla l-pusses tal-partita (Ritratt: Domenic Aquilina)