Lokali Temp

Prepara ruħek – it-temperaturi mistennija jogħlew sew

Wara jiem ta’ temp imsaħħab, irxix ta’ xita u riħ, fl-aħħar jidher li wasal s-sajf; bit-temperaturi mistennija li jitilgħu sa 34°C.

Fil-fatt, matul din il-ġimgħa, tista’ tgħid li nkunu dħalna sew fl-istaġun tas-sajf – illi jibda uffiċjalment nhar l-Erbgħa.

It-tbassir qed juri li għas-sebat ijiem li ġejjin, it-temp se jkun pjuttost xemxi, bit-temperaturi li se jinħassu sħan – temp mill-aqwa għal min iħobb il-baħar, jew ikliet fuq barra f’dan iż-żmien tas-sena.

It-temperaturi għoljin jidhru li se jdumu għal tlett ijiem, biex imbagħad dawn jerġgħu jonqsu xi ftit. Madanakollu, wieħed se jkun jista’ jgawdi tmiem il-ġimgħa f’temp mill-isbaħ – li huwa tipiku tas-sajf Malti.

Apparti t-temperaturi għoljin, ir-riħ mhux se jkun qed jonfoħ b’daqstant saħħa. U fil-maġġoranza tal-ġranet se jkun forza 2 għal 3. Dan filwaqt li l-indiċi UV jidher li issa tela’ sew hekk kif se jkun qed jimmarka għaxra.

Kif isir kull sena…in-nies qed ikunu imħeġġa jevitaw li joħrġu barra bla bżonn fis-sigħat li fihom ix-xemx tkun l-iktar qawwija, bejn il-11 ta’ filgħodu u l-4 ta’ waranofsinhar.

Temperaturi għoljin jikkawżaw telf ta’ ilma mill-ġisem b’rati mgħaġġla u huwa għalhekk li wieħed għandu jibda jixrob aktar mis-soltu biex jevita wkoll li jesperjenza xi heatstroke. Dan jgħodd speċjalment għal min hu kbir fl-età.

Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd, iżda l-akbar attenzjoni għandha tinżamm mill-anzjani, nies b’kundizzjonijiet kroniċi…kif ukoll trabi u tfal żgħar.