Lokali

Robert Abela jaħrab mid-domandi: “Saqsu lilu”

Hija allegazzjoni serja li ħadd għadu ma ċaħadha – l-allegazzjoni li fil-Pakistan, inħolqu stejjer apposta dwar Carmen Ciantar sabiex jattakkaw lil Chris Fearne; u li dawn l-istejjer inħolqu mill-klikka ta’ Joseph Muscat.

L-awtur Mark Camilleri qed jgħid illi hu jista’ jikkonferma mingħajr ebda dubju li l-kampanja ta’ misinformazzjoni fil-konfront ta’ Chris Fearne kif ukoll l-id il-leminijia tiegħu Carmen Ciantar qed tiġi gwidata minn Muscat. Agħar minn hekk Mark Camilleri allega li l-avukat Charlon Gouder u l-President tal-Partit tal-Labour Ramona Attard qed jitħalsu biex jgħinu lill-eks Mexxej tal-Labour.

Fl-aħħar jiem Carmen Ciantar, li kellha tissospendi lilha nfisha minn Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi wara li ġie allegat minn gazzetta fil-Pakistan li irċeviet ħlas f’forma ta’ tixħim minn kumpanija qrib Vitals, saħqet li hemm forzi tad-dlamijiet li qed jużaw lilha u lil bintha biex iwettqu frame-up fuq Fearne.

Dan filwaqt li meta ġiet mistoqsija minn dan l-istazzjon ma eskludietx li hemm involuti persuni mill-kamp Laburista.

Għaldaqstant, wara dan kollu – it-Tnejn Net News staqsa lil Robert Abela jekk iddiskutiex internament dan l-allegat frame-up; b’Abela jisħaq li għandu fiduċja fil-Ministru Fearne.

Mistoqsi jekk kellimx lill-eks Leader tal-Labour Joseph Muscat dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu…Robert Abela qalilna sabiex nistaqsu lilu.

Aktar kmieni matul il-jum staqsejna wkoll lis-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli dwar din il-kontroversja.

U filwaqt li sa issa ħadd mil-Labour ma tkellem jew ċaħad l-allegazzjoni ta’ frame-up, il-Ministru Owen Bonnici qalilna li l-pożiżżjoni tal-Partit Laburista dwar dan il-każ hija ċara.

Bil-Ministru Bonnici jghidilna wkoll li ma jafx jekk il-Kummissarju tal-Pulizija investigax dan il-każ.