Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal Spettur tal-Pulizija li agredixxa mara għax il-kelb tagħha ħammeġ wara biebu

Spettur tal-Pulzija ta’ 47 sena ġie kundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal 28 xahar wara li nstab ħati li fit-18 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra bejn is-6pm u d-9pm f’Ħ’Attard agredixxa mara u kkaġinalha feriti ħfeif wara li l-kelb tagħha ħammeġ ma’ quddiem ir-residenza tiegħu.

Il-Qorti wara li kkundannat lil Elton Buckingham tal-aġir tiegħu speċjalment għall-fatt li messu jippreveni milli jsiru tali nċidenti. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irrakkomandat li l-ħati ma jitlifx xogħolu. Il-Qorti qieset diversi fatturi meta waslet biex tagħti s-sentenza fosthom li fl-ebda ħin mal-imputat ma wera rimors għal dak li seħħ, jew prova jikkumpensa l-vittma b’xi mod.

Minflok għażel li jgiddibha u prova tul il-proċeduri jnissel dubji dwar il-veracità tax-xiehda tagħha jekk mhux ukoll jċekken dak li għaddiet minnu u saħansitra jirredikolaha meta ddeskriviet il-ġrieħi li sofriet. Din kienet mara li baqgħet trawmatizzata b’dak li għaddiet minnu.

Hu biss minħabba l-fatt li jidher li dan l-għemil kien out of character u seħħ minħabba li Buckingham u familtu kienu ilhom jiġu soġġettati għall-għemil illegali u moqżież, nieqes minn ċiviltà li jistħoqqlu stmerrija minn nies tat-triq fejn jgħix, li fiċ-ċirkostanzi l-Qorti mhux ser timponi piena karċerarja.

Għall-istess raġuni magħdud mal-fatt li ntwera kif l-imputat serva b’ karriera impekabbli fil-korp tal-Pulizija, li l-Qorti qed tirrikmanda li Buckingham ma jitlifx l-impieg tiegħu. Minbarra li kkaġuna feriti ħfief l-Ispettur instab ħati li bl-aġir tiegħu kkaġuna biża fuq il-vittma, li nġurjaha, li kiser il-paċi pubblika u li bħala uffiċjal pubbliku għamel reat li kellu d-dmir li jissorvelja biex ma jsirx jew li minħabba l-kariga tiegħu kellu d-dmir li jimpedixxi li jsir.

Il-Qorti ħarġet ukoll Ordni tat-Trazzin fil-konfront tal-imputat favur Viviane Oliviera Drummond u l-familja tagħha għal zmien tliet snin.

Id-dinamika tal-inċident

Is-Supretendent Graziella Muscat li flimkien mas-Supretendent Robert Vella mexxiet il-prosekuzzjoni spjegat lill-Qorti kif mara Brażiljana, Vivianne Oliviera Drummond, irrapportat li kellha inċident ma koppja wara li l-kelb tagħha għamel xogħolu b’tali mod li ma setgħax jinġabar u fejn wara argument, hi sfat mbuttata minn dahra u qalgħet daqqa ta’ ponn fuq rasha kif ukoll fuq il-warrani.

Fl-inċident ingħad ukoll kif anke ittajjar in-nuċċali tagħha. Hi qalet li kienet wissiet lill-koppja li se ċċempel lill-pulizija fejn dawn telqu iżda hi marret warajhom u ġibdet xi ritratti tal-vettura li kienu qed jagħmlu użu minnha.

Żiedet li kif kienet qed tieħu r-ritratti tal-vettura s-sewwieq irreversja għal fuqha. Il-vettura kienet reġistrata fuq l-imputat. Tfittxijiet għall-filmati rriżultaw fin-negattiv filwaqt lanqas ma kien hemm xhieda fil-ħin tal-inċident għalkemm diversi kienu il-persuni li qalu lill-pulizija li semgħu għajjat jew argument.

Il-pulizija ġiet informata wkoll li għall-ħabta tal-8:20pm. l-imputat ċempel l-għassa ta’ Birkirkara u rrapporta kif imbotta mara biex jiddefendi lilu nnifsu u talab sabiex jiġi infurmat jekk isir xi rapport minn din il-mara. Hu ngħata parir biex imur jagħmel rapport l-għassa minnufih.  

Drummond  irrapportat mal-pulizija li kienet mart l-imputat li wara li ġriet warajha, bdiet tgħajjat f’wiċċha dwar il-ħmieġ li ħalla l-kelb tagħha liema ħmieġ ma kienx f’forma li seta’ jinġabar. Kien hawn li l-istess mara bdiet toffendiha bi kliem ħażin bl-Ingliż fil-konfront ta’ ommha u missierha u l-familja kollha tagħha.

Drummond kompliet tgħid li kif rat hekk bdiet miexja fid-direzzjoni opposta iżda l-mara reġgħet marret għal warajha u mbuttata minn wara, fejn Drummond dahret lejha u qaltilha ma terġax tmissha. Drummond b’hekk tikkonferma li l-ewwel kuntatt fiżiku sar minn mart l-imputat.

Inċident li baqa’ jeskala’

Kien hawn li l-vittma qalet li reġgħet kompliet fi triqtha meta “Smajt leħen ta’ raġel. Ħarist lura u nnutajtu. Beda jitkellem b’lingwa li ma bdejtx nifhem u għedtlu martek messitni u bdiet titkellem ħażin.

“Erġajt ipprovajt nitlaq u ħassejt lil xi ħadd jagħtini daqqa fuq il-warrani. U kif ħarist innutajt li kien l-istess raġel, u wara tagħni anke bis-sieq. Għedtlu ‘int miġnun’ and hekk erġajt bdejn nimxi tagħti daqqa ta’ ponn minn wara fuq għonqi” qalet Drummond.

Kompliet tgħid li wara din id-daqqa waqala’ n-nuċċali tal-vista ma’ l-art. Wara qalet lill-koppja li kienet se ċċempel lill-Pulizija u wara telqu. Ix-xhud sostniet li ftit tal-minuti wara marret tara fejn kienu joqgħodu u nnutat karozza ħierġa minn garaxx.

Qalet li ħadet ritratt ta’ ġenb tal-karozza u skopriet li x-xufier kien l-istess wieħed ta’ l-inċident u dak il-ħin l-istess mara rikbet miegħu. Hi ppruvat tieħu ritratt tan-numru ta’ reġistrazzjoni tal-karozza. Meta marret wara, qalet li x-xufier reġġa’ lura mill-ewwel u laqatha bil-karozza tiegħu.

Qalet li rnexxielha xorta waħda tieħu ritratt tan-number plate, u wara li ċemplet lill-żewġha li ġabarha minn fuq il-post u ttieħdet il-Policlinic tal-Mosta. Ir-rapport ta’ Drummond sar fl-10pm wara li kienet marret il-Policlinic tant li esebiet ċertifikat mediku.

L-istess rapport isemmi kif Denise Buckingham, mart l-imputat, ġiet mitkellma mill-pulizija fis-26 t’Awissu, 2022, tmient ijiem wara l-inċident. Fl-istqarrija tagħha tammetti li “jien mxejt warajha u qbadtha minn wara….Hi bdiet tgħajjat mieghi fejn jiena żammejt id-distanza, hi kesksitli il-kelb harset lejh u l-kelb hares lejha u dak il-hin iċ-ċinga twalet u l-kelb ġie viċin tieghi.

Sadanittant hareg ir-ragel mill-garaxx u qalli biex imorru l’ hemm ghax kien sar il-hin ghax ridna niġbru t-tifel minghand it-tfajla biex nohduh il-football.” Ir-ritratti tal-ħmieġ tal-kelb ittieħdu fl-10.30pm.  x’ħin irritornaw lura d-dar.

Denise tikkonferma li għalkemm skond hi Drummond keskset il-kelb għaliha, ma tafx x’għamel il-kelb iżda tisħaq li kellha tbenġila fuq it-tieni u t-tielet swaba tal-id ix-xellugija.

Imwerwra

Dawn il-ġrieħi ġew ċertifikati biss 24 siegħa wara mit-tabiba Dr. Rebekah Camilleri. Denise ma setgħetx tispjega kif il-kelb seta’ benġillha s-swaba iżda “kellhi id-demm hiereg minn subajja”. Tiċħad li imbottat lil Drummond u tispjega li l-vettura li kienet se tinstaq minn żewġha kienet parti fuq il-bankina u parti fuq ir-rampa meta Drummond daħħlet fir-rampa tagħhom, wara l-vettura, biex tieħu ritratti jew video.  

Pedro Overbeck Mendonca, ir-raġel ta’ Drummond, spjega kif kien id-dar meta martu ċemplitlu tibki u mwerwra għaliex kienet għada kemm ġiet aggredita minn raġel.

Mar għaliha bil-karozza u qabel ma ħareġ qal lill-binthom iċċempel lill-pulizija. Kif ġabar lill-martu għaddew sad-dar biex iġġib xi dokumenti w ġie rakkomandat lilhom sabiex l-ewwel tiġi eżaminata w għalhekk marru l-Policlinic tal-Mosta. Wara sar rapport l-għassa ta’ Birkirkara. Dwar martu jgħid li l-akkadut ħalliha mwerwra fis-sens li ma tridx tibqa waħedha.

L-imputat ċaħad li martu kellmet ħażin lil Drummond jew li hu taha daqqa ta’ sieq iżda li għamel kien biss li b’id ċatta ressaqha meta ġiet “frontal mieghi, tghajjat….. kif ġiet kienet, wiċċ imb’wiċċ ġejna għax hi l-istess tu l tiegħi kienet, jiena biex inressaqha bilfors b’idejja rrid nimbuttaha.”.

Buckingham jiċħad li uża xi forza għax kieku kienet taqa’ mal-art “l-unika manuvra li għamilt jiena bil-karozza li ħriġt mir-rampa, hi ma kienitx quddiem il-karozza ovvjament, baqgħet fuq il-bankina mbagħad u x’ħin ġejt fil-kisra biex nitla għall-bridge, irriversjajt biex inkompli nitla’ ‘l fuq, dan f’nofs it-triq, ir-reverse; biex qlajt ovvjament mir-rampa, nofsha r-rampa nofsha l-bankina bil-quddiem qlajt.”.

Ikkonfermali lill-mara waqalha wieħed mill-air pods iżda mhux in-nuċċali. Buckingham jixhed li l-għemil tiegħu meta messha bil-pala ta’ idejh ma kienx lejn wiċċha iżda aktar l-isfel. Madanakollu jiġi konfrontat li mal-pulizija semma li “f’wiċċha” filwaqt li matul id-depożizzjoni tiegħu jagħmel mossi li permezz tagħhom il-wiċċ qed jiġi evitat u hi l-parti taċ-chest li jindika, il-parti aktar l-isfel mill-għonq! Dan meta kienu it-tnejn tal-istess statura u t-tnejn fuq il-bankina.

Ftit jagħmel sens li biex twarrab il-mara il-moviment kellu jkun l-isfel kif jipprova jagħti l-impressjoni l-imputat. L-imputat jiskontra diffikultà kbira jipprova jispjega il-mossa li permezz tagħha mess mal-mara l-ewwel darba meta, b’konsegwenza, waqatilha l-air pod iżda wara jsemmi li in-naħa tal-spalla, “Jekk ilqatta’ f’wiċċha, l-isfel żgur…in[1]nuċċali niżel naqra , u irranġatu, u ġabret l-air pod”, qalet il-prosekuzzjoni.