Sport Sport Ieħor

Special Olympics World Games 2023: Jibdew l-impenji tal-atleti Maltin

(Ritratt: Matthias Brancaleone)

Fi Special Olympics World Games 2023 li qed isiru f’Berlin, l-ewwel atleti Maltin fl-azzjoni kienu fl-atletika u fl-għawm.

Fl-Olympiapar, fix-shot put, Annemarie Bugeja kellha tliet throws tajba fil-kwarti tal-finali b’tefgħat ta’ 7m.33cm, 7m.52cm, 7m.47cm. Bugeja issa tkun fl-azzjoni fis-semi finali shot put fil-jiem li ġejjin wara li jinħadmu r-riżultati kollha tal-ewwel ġurnata.

Naomi Axisa fil-200m Heats kwarti tal-finali temmet l-ewwel f’31.36 sekondi għall aħjar riżultat personali tal-istaġun. Hi ħarġet b’saħħitha forsi wisq, hekk kif il-ħin li ġabet issuperat il-ħin ta’ reġistrazzjoni għal dan il-logħob u mhux se titħalla tiġri fis-semi finali. Malli l-kowċ Amanda Dimech infurmatha, kien evidenti d-diżappunt ta’ Axisa li issa se terġa’ tikkompeti fl-400m u anke fir-Relay din il-ġimgħa f’dan il-logħob.

Matthew Bugeja ħa sehem fil-Heats tal-200m tal-irġiel fejn temm fil-ħames post.

Fl-għawm, Alessia Distefano spiċċat fit-tielet post fil-100 metru freestyle f’Heat ta’ level A f’minuta 31.63 sekondi.

Sam Mifsud spiċċa fit-tieni post fil-Heat tal-100m freestyle level A f’minuta 1.08.21 sekondi.

Benji Camilleri rebaħ Heat 1 tal-50m Butterfly fi 15.20 sekondi.