Lokali

Tfittxija għal raġel armat b’sikkina li daħal jisraq minn ħanut tal-logħob

Il-Pulizija għaddejja bi tfittxija għal ħalliel li aktar kmieni llum wettaq serqa minn ħanut tal-logħob li jinsab fi Triq il-Qroll, San Pawl il-Baħar.

Kienu għall-ħabta tal-11:15am, meta l-Pulizija ġiet infurmata bil-każ. Irriżulta li raġel mgħammad u armat b’sikkina, daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-impjegata, Taljana ta’ 23 sena.

L-allegat ħalliel ħarab mill-post wara li seraq ammont ta’ flus kontanti. L-impjegata ma weġġgħetx.

Il-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.