Lokali

Bħal Nazju Abela għandna bżonn aktar

Tislima minn Joe Cassar

“Ma nistax ngħid li jien tajjeb Joe. Qed ngħix kif nista’. Għax il-problema li kultant ma tkunx tista’ tieħu n-nifs hi imprekattiva… u tkiddni. Imma issa d-Dar fejn qiegħed xtraw apparat żgħir li nista’ nġorru kullimkien u allura nista’ nibda noħroġ.”

Dan kien l-aħħar messaġġ li bagħatli Nazju Abela proprju bħal-lum ġimgħa meta, kif kont nagħmel kull tant żmien, kont nistaqsih kif inhi l-kundizzjoni ta’ saħħtu, issa li kien irtirat flimkien ma’ martu f’dar tal-anzjani f’Ħaż-Żebbuġ. Messaġġ pożittiv minkejja li hu biss kien jaf minn xiex kien għaddej u kemm kienet iebsa l-kundizzjoni li sab ruħu fiha f’qasir żmien.

Imbagħad kompla jgħidli li issa li jinsab fil-kwiet ta’ din id-Dar, taħt il-kampnari tal-knisja li tant ħabb f’ħajtu, dik dedikata lil San Filep f’Ħaż-Żebbuġ, xtaq jaqta’ xewqa li kellu għal żmien twil imma li ftit sab ċans għaliha matul il-ħajja tant impenjattiva tiegħu.

Xtaq jikteb il-poeżiji

Qalli li xtaq jibda jikteb il-poeżiji – u filwaqt li ammetta mill-ewwel il-limiti tal-livell letterarju li jista’ jkollhom, talabni nistax nippubblikalu xi waħda kull tant żmien, f’dan il-ġurnal li tant ħabb u li baqa’ jixtri ta’ kuljum sakemm felaħ joħroġ jimxi.

Peress li naf li Nazju kellu sens ta’ umoriżmu, għal din il-proposta tiegħu jiena weġibtu b’taqbila ċkejkna, u għedtlu hekk:

“Ir-rebbiegħa waslet fl-aħħar

U tas-sajf tinħass iż-żiffa

U l-kittieb Nazju Abela

Qed jistħajlu Rużar Briffa.”

Għoġbitu, u ċ-ċajta ħadha, tant li weġibni lura u qalli li bħala Żebbuġi iktar kien jieħu gost kieku qabbiltu mal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila. Qalli wkoll li din ħadha bħala tweġiba pożittiva u fil-fatt daqt kien se jibgħatli l-ewwel poeżiji tiegħu.

U kelmtu żammha. Għax jumejn wara, proprju nhar il-Ħamis li għadda, irċevejt mingħandu email b’żewġ poeżiji, waħda favur l-għażla tal-ħajja bl-isem ‘Kieku l-għażla kienet f’idejja’, u l-oħra ‘Taħt Kampnarek’, ispirat mill-veduta tat-tieqa tal-kamra tiegħu fid-Dar ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Il-ħasda tal-aħbar

Imbagħad il-ħasda tal-ewwel messaġġi li Nazju kien ħalliena. Proprju f’Jum il-Missier. Tlett ijiem biss wara l-aħħar komunikazzjoni tagħna. Nistqarr li naqqasli mhux ftit mill-ferħ li kelli meta qrajt il-messaġġi ta’ wliedi f’Jum il-Missier. Il-weġgħa tal-firda dejjem kbira, anki jekk il-persuna tkun ftit jew wisq kbira fl-età u tkun taf, anki jekk mhux bilfors tammetti, li l-ħajja tagħha tkun riesqa lejn it-tmiem.

Nazju ħalliena qabel il-waqt. Kien bniedem iħobb il-ħajja, u għalhekk xtaq li għex iżjed. Kien bniedem iħobb il-kitba. U għalhekk xtaq jikteb iktar. Kien bniedem li ħabb lil pajjiżu u lill-Partit Nazzjonalista minn qalbu, u għalhekk xtaq jarahom f’sitwazzjonijiet isbaħ. U mhux xtaq biss, imma ħadem biex jarahom f’sitwazzjonijiet isbaħ.

Il-lealtà tiegħu lejn il-Partit baqgħet sal-aħħar meta fi xjuħitu ħadem kemm felaħ fl-assoċjazzjoni li tiġbor fiha l-anzjani u l-pensjonanti Nazzjonalisti, l-APAN. Il-lealtà tiegħu ma xxellfitx lanqas meta, bħalma jiġri spiss fl-ambjent politiku, ħass li seta’ kien rikonoxxut aktar. Mhux għall-prestiġju tal-karigi, imma biex ikun f’pożizzjoni li jista’ jagħti aktar lil dan il-partit, li f’ħajtu diġà kien tah ħafna.

Raġel ta’ valuri

Ma nistax nitkellem wisq fuq il-ħajja personali ta’ Nazju Abela. Inkun prużuntuż. Għax lil Nazju sirt nafu biss mill-qrib proprju fl-aħħar snin ta’ ħajtu. Imma dawn kienu biżżejjed biex stajt nara u napprezza fih valuri sbieħ.

Żgur il-valur tal-lealtà, li sfortunatament tant qed jonqos b’ritmu mgħaġġel fis-soċjetà tagħna, inkluż fl-ambjent politiku. Il-valuri reliġjużi li kien mhux biss jemmen fihom imma jfittex li jgħix. Il-valur tal-kitba, għax kien jemmen li dak li tgħid jista’ jgħaddi imma dak li tikteb jibqa’ għal dejjem. Kitba li, għall-inqas safejn niftakar jien, qatt ma kellha l-intenzjoni li tweġġa’ lil xi ħadd.

Se nsellem lil Nazju proprju bl-aħħar kliem li bagħatli nhar il-Ħamis li għadda, filgħaxija… l-aħħar strofa tal-poeżija tiegħu stess ‘Taħt Kampnarek’, li kitibha fit-8 ta’ dan ix-xahar:

“X’ma nħobbokx O Mulej Alla tiegħi

Li għażiltni biex inkun daqshekk qrib

Ta’ kuljum u kull lejl taħt kampnarek

Biex refuġju f’imħabbtek insib.”

Fit-tbatijiet tal-mard tiegħu, Nazju ħass li kellu jfaħħar ’l Alla u jistqarr l-imħabba tiegħu lejh li għażlu biex ikun daqshekk qribu. Mur għidlu li proprju ftit jiem biss wara, kellu jkun ferm u ferm eqreb tal-Mulej li tant ħabb f’ħajtu.

Iva, nies bħal Nazju għandna bżonn ħafna aktar fis-soċjetà tagħna.

L-aħħar tislima lil Nazju Abela se tingħata nhar is-Sibt li ġej fil-knisja parrokkjali ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ, fis-2pm