Sport Waterpolo

Cirovic b’għażliet kuraġġużi b’mira ta’ kwalifikazzjoni oħra

Stewart Said

Skwadra żagħżugħa u enerġetika tinsab lesta biex fi tmiem il-ġimgħa tipprova terġa’ tikkwalifika mal-aqwa nazzjonijiet tal-waterpolo fl-Ewropa. Din tkun il-ħames darba li Malta tilgħab mal-aqwa 16 jekk tikkwalifika.

B’kollox hemm erba’ gruppi ta’ kwalifikazzjoni. Malta se tilgħab fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq fi Grupp B kontra l-Ġermanja, l-Ukrajna u l-Bulgarija. L-ewwel tim minn kull grupp jikkwalifika awtomatikament filwaqt li mill-erba’ timijiet li jtemmu t-tieni, jgħaddu l-aqwa tliet timijiet.

Għażliet mill-kowċ Milan Cirovic li żgur qajmu diskussjoni. Fost l-oħrajn l-esklużjoni ta’ Dino Zammit, Andreas Galea u Darren Zammit. Cirovic qal li l-għażla bbażaha mill-ftit logħbiet li mexxa lit-tim Malti, il-logħbiet tal-istaġun sa issa u t-taħriġ. Hu żied li tkellem magħhom u spjega l-filosofija filwaqt li ma għalaqx il-bieb biex dawn il-plejers jirritornaw fl-iskwadra jekk Malta tikkwalifika.

Il-veteran Stevie Camilleri baqa’ mhux parti mill-iskwadra. Mistoqsi minn dan il-ġurnal jekk is-sitwazzjoni madwaru hux każ magħluq, Cirovic qal “il-mistoqsija għal Stevie mhux għalija. Hu dejjem milqugħ fit-tim tiegħi.” Ħuh Jordan ukoll mhux parti mill-għażla finali wara li weġġa’ spalltu u postu ttieħed miż-żagħżugħ Alec Fenech.

Il-captain tat-tim hu l-gowlkiper Jake Tanti. Cirovic ddeskriva din l-għażla bħala deċiżjoni ta’ captain ġdid f’era ġdida. Hu saħaq li sakemm idum hu, Tanti se jkun il-captain.

Il-President tal-ASA Karl Izzo qal li din is-sena hi ftit iktar diffiċli biex jikkwalifikaw minħabba li l-livell għola ftit. Hu kompla li hu importanti li Malta tibqa’ tikkwalifika għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew u saħaq li jkun bidu mill-aqwa għalih bħala President jekk kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jikkwalifikaw.

Izzo qal li se jkollhom l-appoġġ tas-South End Core fi tmiem il-ġimgħa filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku Malti biex jattendi u jagħti l-appoġġ tiegħu. Id-dħul hu mingħajr ħlas. Fil-bidu tal-konferenza stampa nżammet minuta silenzju b’rispett tal-eks kowċ ta’ Sliema Beto Fernandez u omm il-President Onorarju tal-ASA Joe Caruana Curran li t-tnejn ħallew id-dinja fl-aħħar jiem.

Skwadra finali: Jake Tanti (San Ġiljan), Jerome Gabarretta (Sliema), Liam Galea (Sliema), Jamie Gambin (Sliema), Jayden Cutajar (Sliema), Ben Plumpton (San Ġiljan), Jake Muscat (Neptunes), Alec Fenech (Neptunes), Jeremy Abela (San Ġiljan), Nikolai Zammit (San Ġiljan), Benji Cachia (Sliema), Nicholas Bugelli (San Ġiljan), Nicky Grixti (Sliema), Jake Bonavia (San Ġiljan), Sam Gialanze (Neptunes)

It-tim tan-nisa jimmira lejn kwalifikazzjoni storika

Il-mira tat-tim nazzjonali tan-nisa hi li għall-ewwel darba jikkwalifika għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew. It-tim immexxi minn Aurelien Cousin bl-assistenza ta’ Anna Goncharenko, jilgħab kontra l-Bulgarija u s-Slovakkja bl-ewwel tnejn mill-grupp jikkwalifikaw.

Il-kowċ nazzjonali ta’ Malta ma għandu l-ebda ndiema mill-għażla finali u jemmen li t-tliet timijiet fil-grupp huma tal-istess livell. Cousin se jiffoka t-tattika fuq it-tim Malti stess u jemmen li jistgħu jilagħbu kontra ż-żewġ timijiet jekk ikunu preparati.

Cousin ikkonferma li ilu ġimagħtejn li għadda l-lista finali biex ikun jista’ jgħaqqad il-grupp kemm jista’ jkun. L-età medja tal-iskwadra magħżula hi bejn 20 u 21 sena.

Skwadra finali: Kelise Agius (Sirens), Elaya Montfort (Sirens), Elisa Amato (Sirens), Kendra Navarro (Sirens), Martha Perici Ferrante (Sirens), Louise Cachia (Sliema), Francesca Paolella (Sliema), Kaia Agius (Sirens), Denise Micallef (Sirens), Chloe Amato (Sirens), Zaira Bartolo (Sirens), Nadya Azzopardi (San Ġiljan), Kursty Plumpton (Sliema), Abby Bonello (Exiles)

Il-Programm ta’ Logħob tal-irġiel

Il-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju

Ġermanja v Bulgarija       6.30pm

Malta v Ukrajna               7.45pm

Is-Sibt 24 ta’ Ġunju

Bulgarija v Ukrajna          6.30pm

Malta v Ġermanja            7.45pm

Il-Ħadd 25 ta’ Ġunju

Malta v Bulgarija             9.00am

Ukrajna v Ġermanja         10.15am

Il-Programm ta’ Logħob tan-nisa

Il-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju

Bulgarija v Malta             7.00pm

Is-Sibt 24 ta’ Ġunju

Malta v Slovakkja            7.00pm

Il-Ħadd 25 ta’ Ġunju

Bulgarija v Slovakkja      12.30pm