Nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-Kunsillieri, sitwazzjonijiet li jinbidlu mil-lum għal-lum, xogħol wieqaf għal diversi ġimgħat f’ċertu toroq, storbju u trab, kaos u traffiku, ebda data fissa meta se jiġu fi tmiemhom ix-xogħlijiet.
Din hija r-realta li qed jaffaċjaw diversi Mostin, hekk kif bħalissa għaddejjin ix-xogħolijiet fil-pjazza – xogħolijiet li ħadd għadu ma jaf meta se jkunu lesti. U allura, dan ifisser li n-negozji qed ikomplu jesperjenzaw inqas bejgħ, filwaqt li n-nies li jgħixu fiż-żona se jibqgħu jisimgħu l-istorbju għal żmien indefinit.
Apparti dan kollu, tard it-Tnejn filgħaxija diversi Mostin kienu rrabbjati għaliex tneħħa l-iljun tal-pjazza – monument ta’ wirt storiku għal pajjiżna, u li fuq il-kolonna tiegħu għandu l-istemma tal-Indipendenza. Dan l-iljun tneħħa għaliex se jiġi restawrat ġibjun li propju jinsab taħt dan il-monument.
Sorsi spjegaw ma’ Net News li l-pjan s’issa hu li dan l-iljun jitpoġġa lura f’postu wara li jitlestew ix-xogħolijiet; għalkemm fl-aħħar snin … it-temporanju dam ikaxkar ix-xhur.
Il-famuż mounument tal-iljun, li huwa ferm popolari mal-Mostin, issa spiċċa imdawwar bil-ħadid fi ġnien qrib il-knisja mingħajr konferma ta’ meta se jerġa jitpoġġa f’postu.
Dan l-istazzjon jinsab infurmat li l-Kunsillieri tal-Mosta saru jafu li l-iljun se jitneħħa it-Tnejn fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar. U hawnhekk, wieħed jistaqsi kif jista’ jkun li ħarġu l-permessi kollha f’temp ta’ erba’ sigħat.
Dan juri biċ-ċar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-Kunsillieri tal-Mosta, hekk kif il-permess tar-restawr fuq il-ġibjun ta’ taħt l-art kien ilu li ħareġ madwar xahrejn.
Minn naħa tagħhom, negozji fl-akkwati tal-pjazza jinsabu ferm frustrati għaliex kaġun ta’ dawn ix-xogħolijiet il-bejgħ tagħhom naqas sew. Għalkemm jifmhu li x-xogħol irid isir ….hija inaċċettabbli li dawn ilhom ibatu żmien twil għaliex ix-xogħolijiet fiċ-ċentru tal-Mosta għaddejjin b’pass kajman immens.
//= $special ?>