Futbol Sport

Il-ġurnalist Taljan Luca Serafini f’Malta

Il-ġimgħa d-dieħla, fit-28 ta’ Ġunju, il-ġurnalista Luca Serafini se jkun qed iżur lil Malta hekk kif Milan Club Malta 1979 ħabbar li Serafini se jkun qiegħed jippreżenta l-aħħar ktieb tiegħu, ‘Il Cuore di un Uomo’.

Huwa se jkun qiegħed iwieġeb mistoqsijiet dwar il-klabb ta’  AC Milan, partikolarment fid-dawl tal-kambjament li kellhom fit-tmexxija wara t-tkeċċija ta’ Paolo Maldini u Frederic Massara, it-tislima lill-futbol milgħub ta’ Zlatan Ibrahimovic, kif ukoll il-preparamenti għall-istaġun li jmiss.

Il-ktieb mill-pinna ta’ Serafini jitkellem dwar kirurgu Taljan li salva miljuni ta’ ħajjiet – iżda dan mhux l-uniku xogħol tiegħu hekk kif kiteb diversi kotba fosthom Lady Stalker, L’oro di Sheva kif ukoll Soianito.

Luca Serafini huwa wkoll opinjonista magħruf ma’ min isegwi l-futbol Taljan partikolarment għal min għandu għal qalbu l-klabb tar-Rossoneri. Din mhux l-ewwel żjara li Serafini qiegħed jagħmel f’pajjiżna fejn iltaqa’ mal-Milanisti, fejn ma setgħetx tonqos ukoll taħdita interessanti.

Għaldaqstant kull min huwa interessat sabiex jiltaqa ma’ Serafini fit-28 ta’ Ġunju huwa mħeġġeġ ikellem lil Milan Club Malta 1979 emm permezz ta’ messaġġ privat fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook kif ukoll jista’ jagħmel kuntatt ma’ membru tal-kumitat.