Lokali Qorti

Jammetti diversi serqiet fosthom minn vetturi

Kaled Mukthar Ben Gamhur, Libjan ta’ 44 sena, residenti l-Belt, ammetta akkużi ta’ serq ta’ diversi oġġetti minn karozza, li għamel ħsara fil-vettura, li seraq electic scooter u li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa. L-ispettur Roxanne Tabone qalet li f’nofs Lulju tas-sena l-oħra l-pulizija daħlilhom rapport ta’ serqa minn vettura u minn filmati minn cameras tas-sigurtà deher l-akkużat fil-jiem ta’ qabel, jisgassa t-tieqa tal-karozza u jidħol fiha u joħroġ minnha b’affarijiet f’idejh.

Kompliet tgħid li xahrejn wara l-akkużat seraq electric scooter u l-istess dan deher jisirqu f’filmati minn cameras tas-CCTV. Qalet ukoll li saru testijiet tad-DNA minn impronti tas-swaba li nstabu fil-vettura u rriżulta li kien jaqbel eżatt ma’ tal-akkużat.

Tenniet li l-akkużat għandu problema kbira ta’ droga. Fil-Qorti Gamhur ammetta l-akkużi kontrih. L-avukat difensur, Luke Valletta talab li jsir rapport ta’ qabel is-sentenza. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech laqgħet it-talba u poġġiet lill-akkużat fuq ordni ta’ probation u ddeferixxiet il-kawża għas-sentenza għal 31 ta’ Lulju 8.30am.

Is-serq sar fl-10 ta’ Lulju tas-sena l-oħra u li għada seraq minn karozza li kienet parkeġġata fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta u li wettaq serqa mill-istess lokalita fit-12 ta’ Settembru li għadda. Ammetta wkoll li kkommetta ħsara mill-karozzi li wettaq is-serqa minnhom.