Lokali Parlament

Jeħtieġ tiddaħħal it-terapija tal-annimali

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar appella fil-parlament biex tiddaħħal it-terapija tal-annimali fost il-persuni li jkollhom bżonn għaliex din tħalli effetti pożittivi kif isir f’pajjiżi barranin.

Robert Cutajar qal li hemm lok fejn isir iktar investiment fir-riżors uman u fl-infrastruttura biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jagħtu l-massimu. Id-deputat Nazzjonalista appella għall-ħidma konġunta fuq dan is-settur u sostna li mhux ġust li jkun attakkat is-servizz telefoniku 1717 għaliex kien hemm nuqqasijiet.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li dan inaqqas il-motivazzjoni tal-ħaddiema u appella lill-gvern biex jiddefendi lil dawn il-ħaddiema. Fl-2022 kien hemm 5,058 telefonata fuq il-1717 li minnhom id-Direttorat ġabar 1,300 qattus, 500 kelb u 37 annimal ieħor.

Hu appella biex ikun hemm investiment fl-uniformijiet tal-ħaddiema u biex il-ħaddiema jmorru l-qorti bl-uniformi meta jkun hemm il-każi. Id-deputat Nazzjonalista appella wkoll biex isiru l-body cams u titneħħa l-burokrazija. Hu sellem lil dawk li jitimgħu il-qtates u appella biex jiżdiedu l-fondi lill-kunsilli lokali. Kien il-PN li resssaq il-proposta li f’kull kunsill ikun hemm rappreżentat għall-annimali.

Id-deputat Nazzjonalista qal li fil-pajjiż madwar 70% tad-djar f’Malta li jrabbu xi annimal u kompla li l-kunsilliera responsabbli mill-annimali għandhom jgħolew fl-istatura tagħhom. Għandu jkun hemm iktar skemi u inizjattivi biex il-kunsilli lokali jkunu parti minn din il-politika. Hu appella biex ikun hemm koordinazzjoni bejn l-entitajiet involuti f’dan is-settur.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern għandu jivvota vot b’saħħtu fil-budget li ġej għall-ħarsien tal-annimali. Il-pubbliku wkoll għandu r-responsabbiltajiet tiegħu, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-pajjiż għandu jibda t-terapija tal-annimali għaliex din tagħmel bidla f’ħafna nies.