Lokali

Kemm hawn sewwieqa li qed isuqu bla liċenzja?

Il-Pulizija qed tinvestiga allegazzjonijiet li qed isiru fuq il-mezzi soċjali fejn qed ikun iċċirkolat messaġġ ta’ individwu li qed ibigħ ‘tag’ li permezz tagħha wieħed ikun jista’ jsuq vetturi b’Y-plate f’pajjiżna… mingħajr ma jkollu liċenzja tas-sewqan.

Informazzjoni li waslet għand Net News tindika li dawn huma tags falsifikati…. u allura dan kollu jindika li jekk sewwieq ikun qed idur fit-toroq ta’ pajjiżna b’dawn it-tags, qed jagħmel hekk b’mod illegali. Dan apparti l-periklu serju li qed jikkawżaw.

U biex l-affarijiet ikomplu jikkumplikaw ruħhom… dawn it-tags għandhom il-logo ta’ Transport Malta fuqhom.

Kif inhi l-prassi f’pajjiżna, sabiex sewwieq jingħata liċenzja biex isuq vettura tat-tip ‘lptv’ – jiġifieri light pessenger tranport vehicle, irid isegwi kors u tinġieb il-fedina penali min-naħa tal-Korp tal-Pulizija wara talba li tkun saret minn Transport Malta.

Huwa evidenti, li dawn il-korsijiet mhux isiru. U bi ħlas ta’ €500 tkun tista’ takkwista ‘tag’ biex issuq vetturi tal-passiġġieri…minghajr ma tintalab biex tagħmel ebda test. Mhux ta’ b’xejn f’sena u nofs inħarġu madwar 1,600 Y-plate għall-vetturi – dan skont ċifri impoggija fil-Parlament din il-ġimgħa.

Net News bagħat numru ta’ mistoqsijiet lil Transport Malta fejn fost l-oħrajn stqasejnihom jekk jafux b’dawn l-allegati abbużi li qed isiru minn persuni mhux magħrufa, u dwar x’tip ta’ infurzar qed isir fil-konfront ta’ dawk li qed isuqu mingħajr liċenzja.

Fir-risposta tagħha Transport Malta qalet li hekk kif saret taf b’dawn l-allegazzjonijiet, talbet l-intervent tal-Pulizija biex tinvestiga. Qalet ukoll li l-awtorità se toffri l-kollaborazzjoni sħiħa tagħha f’din l-investigazzjoni.

Net News bagħat ukoll numru ta’ mistoqsijiet lill-Korp tal-Pulizija, fejn staqsejna jekk il-Korp ħax passi legali fil-konfront ta’ dawn il-persuni u jekk għandux statistika ta’ kemm hawn sewwieqa f’pajjiżna li għandhom dawn it-‘tags’.

Ir-risposta li ngħtajna kienet li l-Pulizija qed tinvestiga dawn il-messaġġi li qed jiġu ċċirkolati fil-mezzi soċjali.