Ambjent Lokali

L-ABBOZZ TAL-PN FAVUR L-AMBJENT: “Mhux biss brillanti, iżda neċessarju għal pajjiżna”

Aktar kummenti pożittivi dwar l-abbozz ta’ liġi li ressaq il-Partit Nazzjonalista sabiex l-ambjent ikun dritt fundamentali u parti mill-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

F’artiklu f’The Malta Independent in-nutar Mark Sammut Sassi sostna li l-abbozz tal-Partit Nazzjonalista mhuwiex biss brillanti iżda huwa ferm bżonnjuż għall-pajjiżna. Dan għaliex bis-saħħa ta’ dan l-abbozz d-definizzjoni tal-ambjent se tkun ferm aktar miftuħa sabiex tfisser l-arja, l-ilma, l-art, l-ekosistema u dak kollu li jifforma parti minnha.

Barra minn hekk, għall-ewwel darba se tingħata l-awtorità għall-infurzar bil-liġi, f’każijiet fejn il-Qorti tara li jista’ jkun hemm ħsara ambjentali.

Sammut Sassi saqsa jekk issa l-Gvern Laburista hux se jivvota favur dan l-abbozz li huwa essenzjali għall-pajjiżna. Hawnhekk, huwa ċanfar lill-Gvern immexxi minn Robert Abela fejn saħaq li l-Labour għandu verament ipoġġi lil Malta l-ewwel u qabel kollox.

Apparti dan Sammut Sassi qal li d-drittijiet tal-bniedem mhumiex qedghin hemm biex l-istat jiġġilidhom fil-Qorti imma għandu japplika dawn id-drittijiet fil-ħajja ta’ kuljum.

Huwa temm dan l-artiklu billi qal li ħafna drabi l-policies huma ferm aktar kruċjali mil-liġi.

S’issa Robert Abela ma kellu l-ebda reazzjoni għal dan l-abbozz ta’ liġi li jipproteġi l-ambjent f’pajjiżna. Għalkemm il-membri tal-Kabinett qed jindikaw li l-Gvern mhux jappoġja dan il-pass importanti li ġie xprunat mill-PN.

Biex tgħaddi din il-liġi, ikun jeħtieġ vot minn żewġ terzi tal-Parlament – minħabba li l-abbozz se jfisser bidla fil-Kostituzzjoni.