Lokali Parlament

L-annimali għandhom ikunu mħarsa fil-postijiet kollha fejn jnżammu

Janice Chetcuti, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jance Chetcuti sostniet fil-parlament li l-annimali għandhom ikunu mħarsa fil-postijiet kollha fejn jnżammu.

Janice Chetcuti sostniet li l-annimali u l-klieb għandhom ħames drittijiet fundamentali li fosthom huma li jkunu ħieles mill-għatx, mill-ġuħ u mill-malnutrazzjoni, li jgħixu bla uġigħ u mard u li jkollhom il-libertà li jesprimu lilhom.

Hi sostniet li l-Att Dwar l-Annimali diġà jpoġġi linji gwida dwar kif dawn għandhom jitrabbew. Jeħtieġ li l-pajjiż ikollu l-awtoritajiet neċessarji biex jinfurzaw il-liġijiet biex l-annimali jkunu rispettati.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li seħħu każi varji ta’ moħqrija u għalhekk għandu jkun hemm investigazzjonijiet intensivi dwar dawn il-każi.

Janice Chetcuti sostniet li l-uffiċjali ma jistgħu jagħmlu xejn jekk il-klieb li jkunu qed jinbħu kontinwament ikollhom ikel, xorb u kenn; għalhekk il-persuni li jrabbu l-klieb jridu jkunu konxji dwar id-disponibbiltà tagħhom fit-trabbija tal-annimali.

Permezz ta’ dan l-att qed ikun propost li klieb li jinżammu magħluqa f’postijiet magħluqa jkollhom iktar spazji. L-Oppożizzjoni qed tinsisti li l-ispazji jkunu allokati għall-klieb kollha. Ir-regoli mhux se jkunu jgħoddu għal klieb b’pet shop, f’boarding jew f’santwarju, kompliet id-deputat Nazzjonalista li sostniet li din mhix distinzjoni li għandha ssir.

Dan se joħloq anki diskriminazzjoni kontra l-persuni li jistgħu jiġu akkużati quddiem il-qrati għaliex tkun qed issir diskriminazzjoni. L-Oppożizzjoni ma tridx li postijiet fejn l-annimali jingħataw kenn mill-Animal Welfare wara li jinġabru mit-toroq, dawn jerġgħu jitpoġġew fi spazji żgħar.

Janice Chetcuti qalet li l-annimali li jinġabru mit-toroq ikollhom postijiet adatti fejn il-klieb jkunu komdi inkluż żoni fejn il-klieb joħorġu. Il-klieb għandhom jinżammu f’ċentru għalihom u ta’ kwalità fejn ikun hemm il-kumditajiet kollha.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-PN irid ikun il-vuċi ta’ min m’għandux vuċi; inkluż il-klieb u l-annimali. Kien il-PN fil-gvern li beda d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, li bena Ċentru San Franġisk u li daħħal kampanji ta’ edukazzjoni fost l-istudenti.

Janice Chetcuti qalet li l-klieb adottati mis-santwarji jibqgħu japprezzaw lil min jaddotthom.