L-ex-Prim Ministru Joseph Muscat qed jixhed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas u sostna li mhux qiegħed quddiem il-kumitat biex jiddedendi xi teorija dwar min jorbot il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mal-power station tal-Electrogas.
Il-Kumitat hu presedut mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott u l-Oppożizzjoni hi rappreżentata mid-deputati Nazzjonalista Graham Bencini u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar. Il-Gvern hu rappreżentat mis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, il-Ministru Clayton Bartolo u d-deputati Laburisti Glen Bedingfield u Alex Muscat.
Qed ikunu approvati l-minuti tal-aħħar laqgħa. Il-minuti approvati. Il-media tidħol fil-kamra.
Jissejjaħ Joseph Muscat biex jidħol fis-sala li jidħol fis-sala akkumpanjat minn Mark Farrugia, l-Assistent Personali tiegħu. Muscat qed jixhed taħt ġurament.
Joseph Muscat jitlob li jingħata permess jagħmel espożizzjoni dwar punti li diġà tqanqlu u jsostni li għandu bżonn 20 minuta għal dan. Hu qal li kien laqa’ bi pjaċir din l-istedina u kompla li rie djitkellem dwar minn fejn ġiet l-idea ta’ power station tal-gass. L-ex Prim Ministru qal li dan kien relatat mal-kontijiet tad-dawl u l-kwalità tal-arja u sostna li l-Gvern ried iraħħas il-kontijiet b’mod sostenibbli u bla susiddji u li jitnaqqas it-tniġġiż tal-arja.
Jospeh Muscat sostna li mill-għażliet kollha, soluzzjoni kienet taħlita ta’ enerġija fosthom l-interconnector li jinvolvi riskju minħabba l-involviment ta’ pajjiżi barranin u r-renewables. L-idea tal-gass kienet issemmiet fl-2005 permezz ta’ pjan tal-Enemalta iżda l-problema kienet li ftit wara ħarġet l-offerta tal-BWSC għal power station taż-żejt (heavy fuel oil). Kien hemm diversi lobbies li marru joffru l-proposta tal-gass lill-gvern Nazzonalista iżda dan ma seħħx, sostna Muscat, li qal li t-tkabbir ekonomiku ġġustifika l-ħtieġa ta’ power station ġdida.
Jospeh Muscat qal li l-kritika ewlenija bejn l-2011 sal-2013 kienet li dak li kien qed jipproponi l-PL ma setax isir u kompla li kritika oħra kienet li l-PL kien miftiehem mal-kumpanija SARGAS proposta minn John Dalli. L-ek-Prim Ministru Laburista kompla li kien hemm MOU mal-kumpanija Energy World, li huma s-sidien tal-Excelsior. Hu qal li kien avviċinat minn deputat tal-PN, li hu ma semmiex, biex sar kuntatt dwar dan l-MOU, li ma kienx jorbot.
Muscat kompla jixhed li qatt ma kien hemm diskussjonjiet mal-Electrogas, mal-familja Apap Bologna jew mal-familja Fenech dwar il-power station. Konrad Mizzi ma kienx involut fit-tħejijja tal-manifest elettorali għall-elezzjoni ġenerali tal-2013, sostna Muscat, li kompla li l-PL kien qabbad konsulenti barranin biex jeżaminaw il-proposta tal-PL dwar il-power station. Dwar il-preżentazzjoni li saret, Muscat qal li din kienet pubblika fil-kampanja elettorali 2013 tant li anki kienet saret lil numru ta’ edituri flimkien ma’ persuni mill-korpi kostitwiti.
Joseph Muscat qal li wara l-elezzjoni tal-2013 kien hemm tfixkil minn elementi fil-PN biex il-power station ma ssirx u kompla li l-Awditur Ġenerali stabilixxa li n-nuqqasijiet fil-proċess kienu biss dawk amministrattivi. Dwar il-porċess tal-għażla, Muscat qal li qatt ma ħa sehem fil-laqgħat li saru u kompla li kien biss jiġi informat.
L-ex Prim Ministru Laburista qed jitlob iktar ħin wara li skadew l-20 minuta; il-kumitat japprova li jibqa’ jitkellem.
Joseph Muscat isostni li l-proċess tal-għoti tal-offerta lill-Electrogas kien wieħed trasparenti u kompla li l-Enemalta kienet falluta u kellha €1 biljun dejn; għalhekk ma setgħetx tagħmel din il-power station hi. Hu kompla li l-gvern ma kienx f’pożizzjoni finanzjarja tajba u qal li l-għażla kienet li jiddaħħal il-privat. Dwar l-għażla tat-tanker flok ħażna fuq l-art, Muscat qal li dan juri li ma kienx hemm għażla minn qabel mal-Electrogas.
Din hi biss soluzzjoni temporanja sakemm Malta tingħaqad mal-grid Ewropew tal-gass u tieħu ħafna inqas spazju minn ħażna fuq l-art, sostna Muscat, li qal li t-tanker illum sar jiswa ħafna iktar flus minħabba l-invażjoni Russa. Bħalissa fil-Ġermanja, in-Norveġja u l-Fillandja qed jużaw mudelli simli, sostna Muscat, li kompla l-Gvern kien ikkonsulta mal-UE dwar il-ħruġ tal-Gasol mill-konsorzju.
Dwar il-garanzija tas-security and supply, Muscat qal li din saret biex jekk l-Enemalta tfalli, allura l-Gvern jidħol għaliha. Il-Gvern ma setax jibqa’ jistenna l-approvazzjoni tal-UE u għalhekk saret garanzija temoranja, sostna Muscat, li kompla li l-Electrogas ħallsu €12-il miljun tal-garanzija li għamel il-Gvern Laburista. Hu qal li l-kuntratt mas-SOCAR ma kienx sigriet għaliex għadda mill-kabinett u sostna li l-gvern rabat lis-SOCAR li jekk ikun hemm problema mal-Electrogas, huma jridu jbiegħu lill-Gvern Malti bilfors.
L-ex Prim Ministru Muscat tkellem dwar iż-€2 miljuni taxxi fis-sena tal-Electrogas (madwar €36) u qal li kien veru li dawn inħafru. Hu qal li l-Electrogas kienu għaddew €30 miljun bil-quddiem biex il-gvern iraħħas il-kontijiet u kompla li dan kien parti min-negozjati usa bl-involviment tal-UE.
Il-gvern rabat lill-Electrogas għal prezz fiss għal ħames snin, tnaqqas il-perjodu tas-supply agreement minn 16-il sena għal 10 snin, l-Enemalta ġabet option li tieħu l-faċilitajiet tal-gass, l-Enemalta nnegozjat kumpens jekk tieqaf il-power station tal-Electrogas u l-Electrogas intrabtu li jżidu l-ispiża minn €350 miljun għal €500 miljun.
L-ex Prim Ministru Muscat qal li fl-aħħar snin, meta komparat mal-interconnector, il-poplu kien iħallas €125 miljun iktar kull ħames snin.
Joseph Muscat temm l-espożizzjoni tiegħu u se jibda jwieġeb il-mistoqsijiet.
Wara mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Darren Carabott, Muscat qal li m’għandux aċċess għall-MOU li kien għamel il-Partit Laburista mal-Energy World iżda l-Awditur Ġenerali rah. Id-deputat Laburista Glen Bedingfield oġġezzjona li dan ikun preżentat għaliex dan hu dokument tal-PL. Id-deputati tal-Gvern ivvotaw kontra li dan ikun esebit u għalhekk mhux se jkun esebit; id-deputati Nazzjonalisti ivvotaw favur li dan ikun esebit.
Muscat qal li tul il-proċess ta’ aġġudikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tat l-approvazzjoni tagħha. Bla ma kien mistoqsi, Muscat semma’ lil Daphne Caruana Galizia u qal li hu mhux qiegħed fil-PAC biex jiddefendi xi teorija fir-rigward tal-qtil tagħha meta jingħad li l-qtil hu marbut propju ma’ dan il-proġett tal-power station. M’għandi l-ebda dwejjaq li niddefendi dan il-proġett, sostna Joseph Muscat.
Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini kkwota mir-rapport tal-Awditur Ġenerali li kkonkluda li l-proċess ma kienx ġust u ma kienx imparzjali, l-ex Prim Ministru Muscat baqa’ jsostni li r-rapport jispeċifika li r-riżultat finali kien se jkun l-istess.
L-ex Prim Ministru Laburista sostna li r-relazzjonijiet mal-Ażerbajġan bdew wara li Joe Debono Grech kien ilu snin ikellmu dwar ir-riżorsi tal-Ażerbajġan u kien dejjem jappellalu biex jibda’ relazzjonijiet magħhom; l-istess kif Mintoff kien għamel maċ-Ċiniżi.
Dwar kif inħmiet il-proposta tal-power station fil-PL, Muscat qal li l-gvern Laburista kien għamel sħubija mal-privat fil-power station fuq l-istess mudell li Gvern Nazzjonalista għamel fid-djar għall-anzjani wara l-1987.
Joseph Muscat qal li parti minn xogħlu kien li jiltaqa’ man-nies u kompla li kien hu li ressaq il-proposta tal-power station fil-PL. L-aktar li ħadmu fuqha l-proposta kien hu u Konrad Mizzi, sostna Muscat li kompla li, kien Gvern Nazzjonalista li kellu l-ewwel idea ta’ power station tal-gass iżda ma twettqitx. Ma jirriżultax li saru laqgħat ma’ xi konsorzju dwar il-power station meta l-PL kien fl-Oppożizzjoni, sostna l-ex Prim Ministru Laburista, li qal li kien iltaqa’ ma’ Apap Bologna iżda dejjem dwar in-nuqqas ta’ mediċini.
L-ex Prim Ministru qal li qatt ma ltaqa’ ma’ xi ħadd fuq il-power station tal-Eectrogas u kien jkkomunika biss mal-gvernijiet barranin li kienu jipprovaw jagħmlu lobby għal divesi kumpaniji biex jiġu kkunsidrati. Mistoqsi dwar Konrad Mizzi, Joseph Muscat qal li ma jista’ jeskludi xejn iżda lilu ħadd ma qallu xejn dwar dan.
Joseph Muscat kompla li kien hemm problemi ta’ sigurtà fl-art ta’ Delimara; għalhekk ma saritx ħażna fuq l-art. Minbarra dan kien hemm kunsiderazzjoni li bl-interconnector, it-tanker ikun jista’ jinħareġ, sostna Muscat. Għal mistoqsijiet tal-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, ix-xhud qal li l-PL kien qed jingħata konsulenzi fuq qasam differenti mal-uffiċjal tal-Enemalta David Galea iżda mhux fuq il-power station tal-Electrogas.
L-ex Prim Ministru Laburista xehed dwar l-ewwel ftit jiem tiegħu bala Prim Ministru fl-2013 u qal li għażel lil Konard Mizzi kien l-iktar bniedem kompetenti fl-enerġija u għalhekk poġġih ministru responsabbli. Dwar għaliex poġġih responsabbli mis-saħħa wkoll wara sentejn, Muscat xehed li fil-fehema tiegħu Konrad Mizzi kien l-aktar persuna tajba għat-tmexxija tal-proġetti. Dan wara li kien hemm krizi fis-saħħa u kien ħa over b’mod tajjeb ħafna. Hu qal wara li ħarġu l-Panama Papers hu kien neħħa lil Konrad Mizzi minn Ministru tal-Enerġija u poġġih ministru bla portafoll fil-ministeru tiegħu; f’kull qasam kien hemm bżonn project manager.
Joseph Muscat qal li minkejja dan, Konrad Mizzi baqa’ responsabbli mill-enerġija iżda kien jirraporta lilu. Hu sostna li meta Konrad Mizzi kien maħtur Ministru tat-Turiżmu, ma kienx baqa’ responsbbli mill-enerġija.
Fl-aħħar tweġiba tiegħu għal din is-seduta, Joseph Muscat qal li ma kienx jiddispjaċih meta poġġa lil Konard Mizzi fil-kariga ta’ ministru għaliex hu kien għamel l-aħjar għażla għalkemm Konrad Mizzi seta’ kien iktar trasparenti u seta’ ħadem aħjar fil-mod kif aġixxa. “Mhux ovvja fuq xhix”, sostna Muscat. Hu qal li l-ex ministru Edward Scicluna kien kwotat ħażin dwar il-kitchen cabinet għaliex kien normali li prim ministru jkollu gruppi eqreb tiegħu; “jien kelli ħafna gruppi viċin tiegħi”.
Ix-xhieda ta’ Joseph Muscat se tkompli nhar it-Tlieta li ġej.