Il-Qorti tal-Appell Kriminali laqgħet appell ta’ raġel ta’ 36 sena mil-Marsa li kien ġie kundannat sentejn u nofs ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati fuq droga bir-revoka ta’ din is-sentenza tkun dik ta’ 16-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn.
L-Imħallef Neville Camilleri sema’ kif Silvano Fenech irriabilta ruħu, żamm il-kondotta nadifa u l-fatt ukoll li l-każ imur lura għal Novembru, 2012. Il-Qorti kkonfermat il-ħtija mogħtija mill-Ewwel Qorti u anke il-multa ta’ €5,000, iżda rat li Fenech issa huwa bniedem mibdul u għahekk ġiet sospiża s-sentenza ta’ priġunerija.
Hu kien instab ħati wkoll li kkommetta l-imsemmija reati f’distanza ta’ mitt metru mill-perimetru ta’ skola, klabb jew ċentru taż-żgħażagħ jew xi post ieħor fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ, liema droga nstabet f’ċirkostanzi mhux għal użu personali tiegħu.
F’dan il-każ il-Pulizija kienu rċevew informazzjoni li Fenech kien qed jittraffika d-droga. Għalhekk fit-18 ta’ Novembru 2012 hu kien twaqqaf mill-Pulizija waqt li kien ħiereġ mill-post fejn kien joqgħod u qabel ma daħal fil-vettura.
F’dak il-mument Fenech kellu joint f’ħalqu. Meta l-Pulizija fittxew fil-vettura huma sabu aktar joints. Waqt l-istess tfittxija l-Pulizija daħlu d-dar fejn kien joqgħod u f’dan il-post sabu aktar droga tat-tip cannabis. Fit-tfittxija nstabet ukoll kaxxa tal-compact disk li kellha traċċi ta’ trab abjad. It-traċċi ta’ trab abjad irriżulta li kien kokaina. Mill-fond li kien qed joqgħod fih ġie elevat pitazz li fih kien hemm identifikati xi laqmijiet u ħdejhom kien hemm xi ċifri mniżżla. Ġew elevati wkoll żewġ mobiles.
Fil-post li kien jgħix fih Fenech instabet ukoll sikkina li kienet maħsuba li tintuża sabiex jinħadmu dawk li huma magħrufa bħala sticks. Minbarra dan instab ukoll crusher li kien jintuża biex tinħadem il-cannabis. B’kollox fil-pussess tiegħu nstabu 154.61 gramma cannabis b’valur ta’ €2,628. Jirriżulta li sussegwentement Fenech beda jipprova jindirizza l-problema tiegħu ta’ dipendenza fuq id-droga.
Fir-Rikors tal-appell tiegħu Fenech ilmenta li hu ma kienx qed ibiegħ id-droga u li l-cannabis kollha li nstabet filvettura tiegħu u fil-post fejn kien jgħix kienu għall-konsum tiegħu. Qal li meta seħħew il-fatti u ċioè fit-18 ta’ Novembru 2012 kellu problema serja ta’ abbuż mill-cannabis u kien il-ħin kollu jpejjep.
Ma twemminx li d-droga kienet għal użu persoanli tiegħu
Il-Qorti tal-Appell fliet l-atti proċesswali bir-reqqa u kkunsidrat li Fenech kien jgħix waħdu u li għalhekk kellu bżonn il-flus sabiex jgħajjex lilu nnifsu u sabiex imantni l-vizzju tad-droga li kellu. L-appellant qal li perjodikament kien jagħmel xogħol ta’ bajjad u li minn dan ix-xogħol huwa daħħal is-somma ta’ €500. Il-Qorti qalet li ma tarax kif minn dan l-ammont wieħed jista’ jgħix speċjalment meta wieħed jikkunsidra li fi kliemu stess nefaq €300 biex jixtri l-aħħar kunsinna cannabis.
Aktar minn hekk mill-pitazz li ġie elevat mill-kċina tal-appellant jidher li fl-wwel faċċata hemm lista ta’ persuni identifikati biss bil-laqmijiet tagħhom u l-ammonti li hemm indikati ħdejhom ma jikkonvinċux lill-Qorti temmen li dawn jirrappreżentaw pagamenti pendenti għal xogħlijiet ta’ tibjid.
Ta’ min jinnota li jekk wieħed jgħodd l-ammonti mniżżla fil-pitazz dawn jitilgħu għal ċirka €500 waqt li l-appellant jgħid li b’kollox qala’ €500 u mhux li għad fadallu jitħallas €500. Il-Qorti ma qablitx mal-verżjoni tal-appellant fejn jgħid li xtara l-cannabis li kellu għandu bi €300 meta din kellha valur fuq is-suq ta’ aktar minn €2,000.
Wara li l-Qorti tal-Appell ħadet in konsiderazzjoni ta’ dan kollu, qalet li ma tistax ma tinnotax ukoll in-natura tar-reati fil-konfront tal-appellant li ġew pruvati, il-fedina penali aġġornata li hija waħda kompletament nadifa, l-fatt li l-akkużi fil-konfront tal-appellant imorru lura għas-sena 2012 u għat-trapass ta’ żmien li ħadu l-proċeduri sabiex jiġu konklużi,
L-Imħallef Neville Camilleri qal li dak li jirriżulta mix-xhieda mogħtija minn Dr. George Grech u dak li jirriżulta mix-xhieda mogħtija mill-istess appellant, lkoll mogħtija quddiem Qorti diversament preseduta, l-fatt illi jirriżulta li l-unika kawża li Fenech għandu pendenti (għal tal-anqas fi stadju ta’ appell) hi din.
Il-fatt li jirriżulta li l-Bord tar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga nforma lil din il-Qorti diversament preseduta li l-imsemmi Bord kien sodisfatt bil-proċess ta’ riabilitazzjoni tal-appellant li ntemm b’suċċess.
Meta ngħad mill-Bord tar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga li rriabilitazzjoni tal-appellant intemm b’suċċess. Il-Qorti ġiet infurmata, fost l-oħrajn, li Fenech kien diġà beda jaħdem fuq il-problema tad-droga tiegħu minn qabel ma beda jattendi għas-sessjonijiet ġewwa l-Aġenzija Sedqa.
Tul dawn is-sessjonijiet, hu baqa’ juri motivazzjoni sabiex jipprogressa fil-ħajja personali tiegħu. Huwa dejjem baqa’ jħares lejn il-futur b’ħeġġa. Dejjem attenda b’mod regolari għall-appuntamenti mogħtija lilu u qatt ma ta indikazzjoni li hemm diffikultajiet relatati mal-użu tad-droga.
Minħabba saret talba sabiex il-każ ta’ Fenech jiġi fi tmiemu sabiex l-imsemmi jkun jista’ jipprogressa fil-pjanijiet li għandu għall-futur tiegħu. Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell bidlet il-piena ta’ priġunerija mogħtija mill-Ewwel Qorti għall-waħda sospiża. Illi dwar il-multa ta’ €5,000 li l-Ewwel Qorti kkundannat lill-appellant iħallas, il-Qorti tal-Appell tinnota li din il-multa taqa’ fil-parametri ta’ dak li l-Qorti msemmija setgħet timponi .
Kienet ikkonfermata l-ordni dwar id-distruzzjoni tad-droga eżebita u l-konfiska taċ-ċellulari kollha eżebiti u fejn l-appellant ġie kkundannat iħallas l-ispejjeż peritali li jammontaw għal €2,709.99 kif ukoll fejn ma ġietx ordnata l-konfiska tal-vettura.
//= $special ?>