Lokali

Abbozz Ambjent: Min ma jridux u min m’għandux idea tiegħu

L-ambjent san, nadif u sostenibbli għandu jkun dritt fundamentali tal-bniedem.

Dan huwa l-appell tal-Partit Nazzjonalista hekk kif fl-aħħar jiem preżenta abbozz ta’ liġi sabiex issir emenda f’Kapitlu 4 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta sabiex jiġi rikonoxxut id-dritt fundamentali tal-bniedem li jgħix f’ambjent li jagħti protezzjoni għall-interessi taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Pass importanti li jkompli jagħti prijorità lill-ambjent f’pajjiżna.

Iżda biex din l-emenda tidħol fis-seħħ, ir-rieda u l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista favur ambjent aħjar għal ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri mhux biżżejjed. Dan hekk kif hemm bżonn tal-appoġġ tad-Deputati Laburist, fosthom tal-membri fil-Kabinett ta’ Robert Abela.

Madanakollu jidher li l-Ministri u Segretarji Parlamentari ta’ Abela ma jridux jieħdu dan il-pass favur ambjent aħjar għall-pajjiżna, u biex l-ambjent ikun difiż fil-Kostituzzjoni tagħna.

Matul il-jum tal-Erbgħa, Net News tkellem mal-Ministru Roderick Galdes u mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said – iżda is-sensazzjoni li ħadna kienet illi jew lanqas biss jafdaw fis-saħħa tal-Kostituzzjoni….

….jew saħansitra lanqas kellhom l-iċken idea fuq xiex konna qiegħdin nistaqsu…aħseb u ara kemm se jkunu qed jaqblu u jemmnu li l-Maltin u l-Għawdxin għandhom dritt għal ambjent li jixraqilhom.

Jekk tgħaddi l-emenda kif qed jipproponiha l-PN…ikun ifisser li kull ċittadin Malti u Għawdxi jkollu l-jedd li la darba jaħseb li jkun qiegħed jinkisirlu d-drittijiet fundamentali għal ambjent nadif u san….ikollu jwieġeb l-istat – ikun min ikun fil-Gvern – skont kif tippermetti l-liġi. Dan se jagħti wkoll saħħa lill-għaqdiet li jaħdmu favur l-ambjent, kif ukoll individwi li l-ambjent hu ferm għal qalbhom.