Lokali

Alfred Sant jgħid li “tlifna l-kontroll” tas-sitwazzjoni fil-Belt Valletta

L-MEP Laburista, Alfred Sant ħareġ jattakka lill-Gvern Laburista tas-sitwazzjoni tal-biki li ġab fiha lir-residenti Beltin u lill-Belt Valletta nnifisha li ilhom fuq sena jissaportu l-istorbju u mużika għolja madwar it-toroq tal-Belt Kapitali.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Alfred Sant qal li minn Belt kwieta li kienet tiġbed lejha turiżmu ta’ kwalità għoli, issa spiċċa Belt mimlija storbju sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Huwa żied jgħid li s-sitwazzjoni tal-Belt Valletta ħarbet kompletament minn taħt idejn il-Gvern ta’ Robert Abela iżda għadu s’issa ma sar xejn biex terġa’ tingħata d-dinjità li l-Belt mimlija siti storiċi jixraqilha.

F’kumment minnhom taħt din l-istess post, persuna tfakkar lil Alfred Sant li hu jifforma parti mill-Partit Laburista, l-istess partit li daħħal l-Avviż Legali… u b’hekk jista’ jkun Sant stess li jitkellem ma’ Robert Abela f’isem ir-residenti Beltin dwar din is-sitwazzjoni tal-biki.

B’persuna oħra tistaqsi għalfejn il-politiċi jdumu s-snin biex jammettu bl-iżball li jkunu għamlu b’detriment għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Grupp ta’ residenti Beltin fakkru kif l-Avviż Legali qatt ma kien ta’ suċċess hekk kif mill-bidu nett tagħha affetwat lir-residenti bl-agħar mod… u dan kollu ħtija tal-Gvern, l-awtoritajiet konċernati, il-Korp tal-Pulizija u l-Kunsill Lokali tal-Belt.

Kumment ieħor ifakkar kif kienu Gvernijiet Nazzjonalisti li taw il-ħajja lill-Belt kapitali aktar minn 10 snin ilu grazzi għall-investimenti kbar li saru. Iżda għall-Gvern Laburista, inkluż Alfred Sant innifsu, qed iqisu li grazzi għall-mużika għolja li qed tindaqq sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu fit-toroq tal-Belt, taw il-ħajja lill-Belt Kapitali.