Lokali

Fabian Scerri De Carlo b’appell għall-ġustizzja

Kien emozzjonanti r-rakkont li l-attur Fabian Scerri De Carlo wassal waqt il-programm Profili – rakkont illi fih tkellem dwar in-neputi tiegħu, Jean Paul Sofia; iż-żagħżugħ li tilef ħajtu f’Diċembru li għadda wara li waqa’ fuqu bini f’ Ta’ Kordin.

Meta Scerri De Carlo kien qiegħed jiddeskrivi vaganza li kellha l-familja tieghu fi Praga, u spjega kif din kienet memorja kemm ta’ ferħ kif ukoll niket; hekk kif ftit qabel il-vaganza kien miet missieru. U bid-dmugħ f’għajnejh semma kif kien mar magħhom in-neputi tiegħu Jean Paul.

Iz-ziju ta’ Jean Paul Sofia semma kemm hi importanti l-għaqda fil-familja f’mumenti ibsin bħal dawn, u li kieku ma jkunx hemm l-għaqda, l-familja titkisser.

Hu ddeskriva kif dakinhar li seħħ l-inċident, hu u l-mara tiegħu Ivana, kienu weekend break għall-anniversarju tagħhom. Fabian semma’ l-paniku li ħassew meta semgħu li fl-inċident kien hemm in-neputi tagħhom involut.

Hawn… hu spjega kif huma qegħdin jagħtu s-sapport assolut tagħhom lil Isabelle, omm Jean Paul. Filwaqt illi tenna l-appell tal-familja li hemm bżonn issir ġustizzja ma’ Jean Paul Sofia, għaliex hekk għandu jkun.

Scerri De Carlo insista wkoll illi mhux normali li binja waħedha tikkrolla u tiġi fl-istat kif spiċċat, fi ftit sekondi.

Intant, wara dan il-programm… fuq il-media socjali omm Jean Paul ddeskriviet lil Scerri De Carlo bħala bniedem umli b’qalb kbira, u rringrazzjatu talli dejjem kien hemm għaliha u għal oħtha waqt dan il-perjodu tant diffiċli f’ħajjithom.